Madwar 17,000 student u studenta huma eliġibbli biex għal din is-sena skolastika, jibbenefikaw minn stipendji u grants b’investiment ta’ 33 miljun ewro.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ġimgħa filgħodu fil-jum li fih infetħu l-applikazzjonijiet għall-istipendji u l-grants, għall-istudenti li bdew jew komplew l-edukazzjoni tagħhom f’xi istituzzjoni post-sekondarja.
Hawnhekk ġie żvelat ukoll kif in-nefqa mill-Gvern fl-istipendji din is-sena żdiedet b’miljun ewro.
L-eluf ta’ studenti li se jibbenefikaw minn dan l-investiment massiċċ, jieħdu b’kollox għaxar stipendji, bl-ewwel pagament ikun fil-bidu ta’ Diċembru u l-aħħar wieħed f’Awwissu.
Lejn l-aħħar ta’ Ottubru, l-istudenti jieħdu l-grant li r-rata tiegħu tvarja skont il-kors li jkunu qed jagħmlu.
Fil-konferenza ntqal kif aktar kemm l-istudent japplika kmieni, aktar jirċievi l-pagament qabel. Fl-applikazzjoni, student irid jippreżenta ċ-ċertifikat tat-tluq mill-iskola sekondarja u l-Jobs Plus History riċenti, anki jekk qatt ma ħadem. L-istudent irid ikollu E-Id u kont tal-bank.
L-istudenti li jkunu għaddejjin minn problemi, fosthom dawk finanzjarji jew minħabba mard fil-familja, se jieħdu suppliment sussidjajru.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima nnota kif tul is-snin, l-istipendji u l-grants żdiedu u Gvern Laburista huwa impenjat biex ikompli jżidhom. Fiż-żmien li ġej ukoll, l-istudenti se jitħallew jaħdmu aktar minn 25 siegħa fil-ġimgħa u fl-istess ħin jieħdu l-istipendju.
Qal, “Aħna qed naraw li fiż-żmien li ġej dawk l-għaxra fil-mija nerġgħu nżidu fuqhom bil-persentaġġ ta’ 15% kif ukoll nassiguraw li l-istudenti jkunu jistgħu jaħdmu saħansitra aktar mil-lum sa massimu ta’ 30 siegħa.
Il-Ministru saħaq ukoll kif dan l-investiment qawwi jwassal biex l-istudenti jkomplu bl-edukazzjoni tagħhom u eventwalment jiggradwaw bl-unuri.
Qal, “Bħala pajjiż ninsabu aħjar minn dak li huwa avarege Ewropew f’dik li hija r-rata ta’ studenti li jġibu degree u allura jmorru għal dik li hija l-edukazzjoni terzjarja. Biżżejjed li wieħed jgħid li fl-aħħar 10 snin pajjiżna tejjeb ħafna dik li kienet ir-rata tal-early school leavers li permezz tagħha kważi lħaqna li dak li huwa l-medja Ewropea.”
Fil-jum li l-Bord tal-Istipendji u l-Grants nieda Logo ġdid, iċ-Chairperson tal-Bord Horace Laudi semma l-proċess ta’ simplifikazzjoni li twettaq, fosthom il-fatt li l-istudent japplika darba biss fil-bidu tal-kors jew meta jbiddel il-kors jew l-istituzzjoni.
Huwa qal kif fil-jiem li ġejjin, membri tal-bord se jkunu preżenti fl-istituzzjonijiet post-sekondarji biex ikunu qrib l-istudenti f’każ ta’ diffikultajiet għall-applikazzjoni.
Qal, “Din id-darba ħriġna għamilna diversi inizjattivi sabiex dawk id-diffikultajiet li jkollhom l-istudenti ta’ meta jkollhom applikazzjoni, aħna ħriġna bit-timijiet tagħna u se nkunu preżenti għal kull attività li hemm fl-iskejjel kollha u f’uħud minnhom se nagħmlu preżentazzjoni biex l-istudenti nkomplu ngħinuhom kif jistgħu japplikaw.”