Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew Christa Shweng flimkien mal-Kap tal-Kabinett tagħha Markus Stock jinsabu f’pajjiżna għal konferenza organizzata mill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali dwar l-importanza li jkun hemm koerenza bejn id-djalogu soċjali lokali u dak Ewropew.
Waqt il-konferenza, li preżenti għaliha kien hemm is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul flimkien mal-imsieħba soċjali u rappreżentanti tal-Kumitat tas-Soċjetà Ċivili, Christa Shweng irrimarkat li d-djalogu soċjali f’Malta huwa b’saħħtu ħafna.
Hija faħħret ukoll id-delegazzjoni Maltija fi ħdan il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u nnutat li dik Maltija hija fost l-aktar attivi. Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tkellmet dwar l-impatti tal-gwerra fl-Ukrajna fosthom fuq il-qasam tal-enerġija u l-inflazzjoni. Hawn saħqet fuq il-ħtieġa li l-Ewropa tħares lejn sorsi alternattivi ta’ enerġija filwaqt li għandha dejjem tassigura enerġija aktar affordabbli.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul qal li d-djalogu soċjali huwa kruċjali speċjalment fiż-żminijiet ta’ sfida. Hawn irrefera wkoll għall-mod kif l-MCESD ħadem waqt pandemija fejn min iħaddem u r-rappreżentanti tal-ħaddiema ġibdu ħabel wieħed flimkien mal-Gvern biex ġew salvati eluf ta’ impjiegi. Huwa saħaq li l-prinċipji li tħaddnu waqt pandemija jgħoddu wkoll f’dan iż-żmien kurrenti, quddiem sfida fil-qasam tal-enerġija. Is-Segretarju Parlamentari qal li biex nindirizzaw l-isfidi li għandna quddiemna huwa importanti li nirrispettaw l-iżvilupp sostenibbli u nżommu f’moħħna l-ġustizzja soċjali speċjalment għal dawk l-aktar vulnerabbli.