Il-Finlandja se tagħlaq il-fruntiera tagħha għat-turisti Russi minn għada – dan il-pajjiż huwa l-aħħar ġar ta’ Moska fl-UE li qed jieħu dan il-pass.
Il-Polonja, l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja kollha għalqu l-fruntieri tagħhom għat-turisti Russi aktar kmieni dan ix-xahar.
Iżda r-Russi xorta se jitħallew iżuru l-familja jew għax-xogħol u l-istudju fil-Finlandja, qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Finlandiż.
Id-deċiżjoni ġiet wara li n-numru ta’ Russi li qed jaslu fil-fruntiera żdied, hekk kif il-President Putin sejjaħ 300,000 suldat militari ieħor biex jiġġieldu l-gwerra kontra l-Ukrajna.
Għada l-Ġimgħa, il-President tar-Russja Vladimir Putin se jkun qed jiffirma biex erba’ reġjuni Ukreni uffiċjalment jsiru parti mir-Russja. Dan se jsir f’ċerimonja apposta wara r-riżultat tar-referendum li sar fuq ħamest ijiem.