Fl-ibħra Baltiċi dehret ragħwa u bżieżaq tal-gass hekk kif kien hemm ħruġ ta’ gass f’żewġ pipelines li ġejjin mir-Russja.
Dan il-ħruġ ta’ gass jidher li seħħ wara splużjonijiet li ġraw, hekk kif irrikordjati minn xjentisti.
Iż-żewġ pipelines li minnhom ġie skopert li hemm dan il-ħruġ ta’ gass huma n-Nord Stream 1 u n-Nord Stream 2.
Uffiċjali Ukreni ddeskrivew dan bħala attakk terroristiku u att ta’ aggressjoni lejn l-Unjoni Ewropea.
Skond l-Aġenzija tal-Enerġija tad-Danimarka ġie rrappurtat li hemm toqba kbira li waslet għal dan il-ħruġ ta’ gass, hekk kif kien hemm xi forma ta’ splużjoni, li ġiet irreġistrata fuq l-apparat li jkejjel it-terrimoti.
Dan filwaqt li esperti mill-Iżvezja qed jgħidu li l-ewwel splużjoni seħħet għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu tat-Tnejn u t-tieni splużjoni seħħet għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħaxija.
L-Unjoni Ewropea qalet li dan il-ħruġ ta’ gass huwa kaġun ta’ sabotaġġ.
Intant, l-Unjoni Ewropea naqset milli tgħid min għamel dan l-att, hekk kif għandu qed jiġi mistħarreġ x’ġara f’qiegħ il-baħar.
Aktar kmieni dan ix-xahar, ir-Russja waqqfet il-provvista tal-gass mill-pipeline Nord Stream 1, li huwa l-akbar pipeline tal-gass lejn l-Ewropa.