Ftit jiem qabel jerġa’ jiftaħ il-Parlament wara l-vaganzi tas-sajf, tħabbar li se jitressqu tliet abbozzi biex ikompli jissaħħaħ ir-raba’ pilastru tad-demokrazija: il-midja u l-ġurnaliżmu.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard fakkar kif ftit tas-snin ilu kien inħatar bord bħala parti minn inkjesta pubblika li kien issuġġerixxa li l-istat għandu jeżamina fil-fond il-ġurnaliżmu u l-libertà tal-espressjoni.
Minnufih inħatar kumitat biex jagħti r-rakkomondazzjonijiet tiegħu fuq il-professjoni tal-ġurnalisti u kif din għandha tingħata r-rikonoxximent li jistħoqqilha.
Wara diversi diskussjonijiet u djalogu, il-Prim Ministru kien poġġa tliet abbozzi fuq il-mejda tal-Kamra f’Jannar li għadda u dan is-sajf, il-Kumitat t’esperti ta r-reazzjoni tiegħu.
87% tan-nies li kienu parti mid-diskussjonijiet li saru, qablu ma’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet.
Fil-futur qrib, se jitressqu dawn l-abbozzi fil-Parlament biex jiġu implimentati dawn il-liġijiet, li jżidu l-protezzjoni tal-ġurnalisti f’soċjetà demokratika.
L-ewwel att se jistabilixxi b’liġi kumitat apposta biex jipproteġi l-ġurnalisti u professjonisti oħra fil-qasam tal-midja u anki persuni fil-ħajja pubblika.
It-tieni att se jemenda diversi liġijiet u jintroduċi dispożizzjonijiet anti-SLAPP fil-liġijiet Maltin. Fost l-oħrajn, fil-Kodiċi Kriminali se jiddaħħal il-kunċett li jekk ikun hemm reat fil-konfront ta’ ġurnalist minħabba li jwettaq xogħlu, ir-reat jitqies bħala wieħed aggravat u l-piena tiżdied.
It-tielet att se jara emendi fil-Kosittuzzjoni, fosthom billi tkun rikonoxxuta l-libertà tal-midja u l-irwol tal-midja bħala għassies pubbliku flimkien mad-dritt tal-eżerċizzju ta’ ġurnaliżmu ħieles.
Il-Ministru Jonathan Attard qal li b’din ir-riforma, il-Gvern qed jibgħat messaġġ ċar tal-aqwa protezzjoni li qatt ingħatat lill-midja u lill-ġurnaliżmu Malti fl-istorja.