Ħames persuni weġġgħu, b’waħda fil-periklu tal-mewt, wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq it-Tempesta fil-Qrendi l-Erbgħa filgħodu għall-ħabta tad-8:45.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li raġel ta’ 44 sena mill-Qrendi tilef il-kontroll tal-vettura li kien qed isuq u ħabat ġo karozza oħra li kienet ipparkjata.
Bid-daqqa, il-vettura pparkjata mxiet minn postha, daħlet fi stejġ tal-linja, u laqtet erba’ persuni: tliet nisa ta’ 62, 66, u 68 sena, u raġel ta’ 88 sena, ilkoll residenti l-Qrendi.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, u ambulanzi ħadu l-persuni kollha l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.
Aktar tard, il-mara ta’ 62 sena ġiet iċċertifikata li weġġgħet serjament, ix-xufier tal-karozza għandu ġrieħi ħfief, il-kundizzjoni tal-anzjani ta’ 86 u 88 sena hija waħda gravi, filwaqt il-kundizzjoni tal-anzjana ta’ 66 għadha mhux magħrufa.