Wara r-rebħa elettorali tal-partit tal-lemin estrem Taljan, Fratelli d’Italia, bosta mexxejja minn madwar id-dinja irreaġixxew għar-rebħa tal-mara li. Kollox jindika, se tkun l-ewwel Prim Ministru Taljana mara: Giorgia Meloni.
Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Liz Truss, ferħet lil Meloni, u ddeskriviet lill-Italja u r-Renju Unit bħala alleati li jaħdmu flimkien.

Il-President Franċiż, Emmanuel Macron, qal li jirrispetta l-għażla demokratika u sivrana tal-poplu Taljan. Fi stqarrija ppublikata mill-uffiċċju tiegħu, huwa qal li bħala pajjiżi li huma ġirien u ħbieb, iridu jkomplu jaħdmu flimkien.
Fl-Istati Uniti, is-Segretarju tal-Istat, Antony Blinken, qal li pajjiżu huwa ħerqan li jaħdem mal-gvern il-ġdid tal-Italja iżda rrimarka li huwa importanti li jiġi rikonoxxut ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.

Intant, il-mexxejja tal-partiti tal-lemin estrem ta’ Franza, fosthom Marine Le Pen u Eric Zemmour, ferħu lil Meloni għar-rebħa tagħha. Permezz ta’ Twitter, Le Pen qalet li l-poplu Taljan iddeċieda li jieħu d-destin tiegħu fi jdejh billi jeleġġi gvern patrijottiku u sovranist.
Fil-Ġermanja, il-politiċi esprimew tħassib wara r-rebħa ta’ Meloni. Jurgen Hardt, leġiżlatur u espert tal-politika barranija għall-Unjoni Demokratika Kristjana Konservattiva – li bħalissa tinsab fl-Oppożizzjoni – qal li kien inkwetat b’dawk li sejħilhom “dikjarazzjonijiet post-Faxxisti” ta’ Meloni u l-pożizzjonijiet tal-kollegi tagħha tal-partit rebbieħ. Hardt qal lill-istampa li r-razziżmu u l-esklużjoni tal-minoranzi ma jistgħux jibqgħu jkollhom post fl-Ewropa.
Intant, il-partit tal-lemin estrem Ġermaniż, Alternattiva għall-Ġermanja, ħareġ stqarrija li tiċċelebra r-rebħa ta’ Meloni u sejħilha “rebħa oħra tar-raġuni”. Il-partit awguralha li tkun l-ewwel mara li tmexxi gvern Taljan.
Min-naħa tiegħu, il-Kremlin qal li Moska kienet miftuħa għall-iżvilupp ta’ rabtiet “kostruttivi” ma’ Ruma: “Aħna lesti nilqgħu l-forzi politiċi kollha li kapaċi jmorru lil hinn mill-mainstream stabbilit, li huwa mimli mibegħda għal pajjiżna … u juru r-rieda li jkunu kostruttivi fir-relazzjonijiet ma’ pajjiżna,” qal il-kelliem tal-Kremlin Dmitry Peskov lill-ġurnalisti, meta mistoqsi dwar ir-rebħa ta’ Meloni.
Fl-Ungerija, Balazs Orban, id-direttur politiku tal-Prim Ministru Viktor Orban, iċċelebra r-rebħa ta’ Meloni billi kiteb: “Prosit lil Giorgia Meloni, Matteo Salvini u Silvio Berlusconi għall-elezzjonijiet! F’dawn iż-żminijiet diffiċli, għandna bżonn aktar minn qatt qabel ħbieb li jaqsmu viżjoni u approċċ komuni għall-isfidi tal-Ewropa.”
Il-Prim Ministru Pollakk, Mateusz Morawiecki, feraħ lil Meloni u faħħar ir-rebħa tal-lemin estrem Taljan.