Edward Snowden ingħata ċ-ċittadinanza Russa wara li kien ilu mill-2013 jgħix hemm maħrub mill-Istati Uniti.
Dan wara li kien żvela li l-Aġenzija għas-Sigurtà Nazzjonali Amerikana l-NSA, kienet għaddejja bi programm ta’ moniteraġġ fuq miljuni ta’ Amerikani.
Huwa kien kixef kif l-aġenzija kienet ordnat kumpanija tat-telekomunikazzjoni sabiex tipprovdi informazzjoni ta’ miljuni ta’ klijenti tagħha, kif ukoll li numru ta’ dipartimenti tal-Gvern Amerikani kellhom aċċess dirett għas-servers ta’ Google, Facebook u Apple fost l-oħrajn.
Wara li l-istorja kienet ħarġet permezz ta’ ġurnalisti internazzjonali, huwa ħarab minn pajjiżu, hekk kif kien u għadu akkużat bi spjunaġġ.
Fl-2020, il-Qorti Amerikana għall-Appelli ddikjarat li l-attività ta’ moniteraġġ mill-NSA kienet kontra l-liġi, iżda minkejja dan, Snowden ma jistax jirritorna lejn pajjiżu.