B’investiment ta’ aktar minn sittin elf ewro, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada wettqet xogħlijiet ta’ titjib u tisbiħ fl-iskola Primarja ta’ Ħal Tarxien, sabiex parti mill-istudenti li kienu jattendu fl-iskola Primarja ta’ Ħal Għaxaq ikunu jistgħu jieħdu l-edukazzjoni hemmhekk.
Dan sar bħala parti mill-proġett ta’ tkabbir u tisbiħ estensiv fl-Iskola Primarja ta’ Ħal Għaxaq b’investiment ta’ €4 miljun għall-immodernizzar u estensjoni tal-iskola kollha.
Għalhekk, madwar 268 tifel u tifla li jattendu l-kindergarten u l-ewwel tliet snin tal-iskola primarja f’Ħal Għaxaq se jattendu fl-Iskola Primarja ta’ Ħal Safi, filwaqt li madwar 109 tifel u tifla fl-aħħar tliet snin tal-iskola primarja f’Ħal Għaxaq se jirċievu l-edukazzjoni tagħhom fl-Iskola Primarja l-antika ta’ Ħal Tarxien.
F’Ħal Għaxaq se jinbena sular ġdid fuq il-binja eżistenti biex l-iskola tilħaq maż-żieda fil-popolazzjoni f’din il-lokalità u wkoll il-binja kollha tkun modernizzata kompletament u tissebbaħ il-parti l-antika.
Ic-Chairperson tal-Fondazzjoni Cory Greenland saħaq li fil-ġimgħat u xhur li għaddew saru xogħlijiet kruċjali sabiex it-tfal tagħna jieħdu l-edukazzjoni tagħhom fl-aħjar ambjent edukattiv possibbli, filwaqt li l-edukaturi wkoll ikollhom l-aqwa ambjent fejn jagħtu t-tagħlim.
Qal, “Inkunu għaddejjin b’partnerships kontinwament bejn il-Fondazzjoni u l-Ministeru tal-Edukazzjoni sabiex isiru numru ta’ xogħlijiet, speċjalment matul is-sajf u matul iż-żmien li l-istudenti ma jkunux fl-iskejjel. Filwaqt li jkollna l-proġetti l-kbar ta’ skejjel ġodda u xogħol ta’ titjib fl-iskejjel ikun hemm numru ta’ proġetti iżgħar, li forsi xi kultant ma jingħatawx attenzjoni, li huma importanti ferm għaliex jekk ma tagħmilx xogħol ta’ manteniment u ċertu riparazzjoni tul iż-żmien l-affarijiet jaqgħu lura.”
Preżenti għall-ftuħ tal-iskola Primarja ta’ Ħal Tarxien, il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima awgura lill-edukaturi, l-amministrazzjoni tal-iskejjel, u dawk kollha involuti fis-sistema edukattiva għas-sena skolastika li jmiss u wkoll lill-eluf ta’ studenti u l-ġenituri tagħhom.