Id-diskors li għamel il-Prim Ministru ta’ Malta, Robert Abela, fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda ftit tal-jiem ilu, intlaqa’ tajjeb ferm minħabba li wassal messaġġ realistiku li jirrifletti r-rilevanza tal-politika internazzjonali li qiegħed iħaddan pajjiżna.
Dwar dan id-diskors ħadna r-reazzjoni tal-Professur fl-Istudji Diplomatiċi, Stephen Calleya.
Il-Professur Calleya nnota li dan id-diskors ikkomunika l-viżjoni ta’ pajjiżna ftit qabel ma jsir membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, diskors li enfasizza li l-paċi tista’ tkun katalista biex iġġib il-prosperità.
Qal, “Peace builds. It restores. It strengthens. Without peace, without security, and without stability, we will never be able to focus on the more important challenges we face: to bring about growth, equality and prosperity. This is what Malta and its people stand for.”
Dwar dan, Calleya kkummenta hekk.
Qal, “Il-Prim Ministru Malti kien ċarissimu. Ejja ħa nfasslu toroq, toroq ta’ paċi, toroq ta’ diplomazija, toroq ta’ prosperità. Għaliex inti mhux imbilli jkun hemm retorika – u dak li ħadt gost, kien hemm ħafna sustanza. It-triq tal-paċi trid tfassalha b’ċertu pjan illi jkun hemm prosperità. Prosperità kif? Li toħloq l-impjiegi.”
Il-Professur Calleya, li jgħallem fl-Akkademja Mediterranja tal-Istudji Diplomatiċi fl-Università ta’ Malta, innota wkoll ir-referenza li għamel il-Prim Ministru għas-sitwazzjoni politika fil-Mediterran.
Huwa rrimarka kif, b’dak li qal, il-Prim Ministru qiegħed ikun sensittiv għal poplu ġar tagħna li għadu jesperjenza instabbiltà politika.
Qal, “Wieħed mill-aktar punti relevanti kien ir-referenza għall-Mediterran u, f’dan il-kuntest tad-diskors tal-Prim Ministru, kemm huwa kruċjali li l-Ġnus Magħquda tagħti widen għal dak li jixtieq il-poplu Libjan.”
Fis-sebgħa u sebgħin sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-Prim Ministru tkellem wkoll dwar sfidi tal-futur lil hinn mill-gwerra fl-Ukrajna.
F’dan il-kuntest il-Prim Ministru rrimarka li d-dinja trid taħdem biex tittrasforma l-ekonomiji tagħha f’ekonomiji diġitali u li jirrispettaw aktar l-ambjent mingħajr telf ta’ żmien. B’hekk nindirizzaw it-tibdil fil-klima filwaqt li nkunu preparati għall-futur.
Dwar dan il-Professur Calleya faħħar il-pożizzjoni tal-Prim Ministru li jinħolqu l-opportunitajiet mill-isfidi.
Qal, “Semma l-isfida kbira li għandna tat-tibdil fil-klima, tal-ambjent, illi fl-aħħar mill-aħħar, trid jew ma tridx, ejja niffukaw fuq il-gwerer imma mhux għad-detriment tat-tibdil fil-klima, filwaqt li toħloq l-impjiegi. Semma wkoll l-ekonomija l-ħadra, li wkoll hawn Malta nixtiequ nieħdu sehem fiha.”
Fil-kuntest ta’ dan kollu, il-Prim Ministru semma prijorità oħra ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda: l-ambjent u li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima.
Hawn tkellem favur politika li tnaqqas l-emissjonijiet.
Qal, “Together, we must keep the 1.5 degree target alive; ensure that no one is left behind, and continue working towards building decarbonised nations and societies. As my country is about to embark on its two-year term on the UN Security Council, we intend to do our utmost to continue to keep climate change on the international peace and security agenda.”