Ħamsa u għoxrin persuna nstabu jgħixu illegalment f’Raħal Ġdid u l-Fgura.
Il-Pulizija qalet li dawn instabu wara spezzjonijiet li saru t-Tnejn filgħodu minnha u mis-Servizzi tad-Detenzjoni.
F’dawn l-ispezzjonijiet instabu diversi persuni ta’ nazzjonalitajiet differentti, fosthom mill-Indja, mill-Bangladexx, mis-Sirja, u mill-Kolumbja.
Dwar dawn l-ispezzjonijiet, il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, qal fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook li immedjatament se jibda l-proċess sabiex dawn l-individwi ma jibqgħux f’pajjiżna.
Dawn l-ispezzjonijiet seħħew wara l-operazzjoni kbira li saret fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa fil-Marsa.
F’dik l-operazzjoni, il-Pulizija sabet disgħa u erbgħin ruħ li kienu qed jgħixu b’mod illegali f’pajjiżna.
Din l-operazzjoni kienet tinvolvi madwar mija u ħamsin uffiċjal tal-Korp tal-Pulizija, flimkien ma’ ħaddiema minn forzi dixxiplinati oħrajn.