Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, qal li għas-sena skolastika l-ġdida li bdiet mil-lum, fl-iskejjel tal-Istat hemm biżżejjed edukaturi sabiex jagħtu l-edukazzjoni meħtieġa lill-istudenti.
B’referenza għal dak li qalet l-MUT, li m’hemmx għalliema biżżejjed, il-Ministru assigura li “sa dalgħodu, is-26 ta’ Settembru, jiena nfurmat li proprju dawk li huma l-edukaturi fl-iskejjel tagħna jikkaverjaw dak li huwa l-compliment meħtieġ sabiex it-tfal tagħna jingħataw l-edukazzjoni tagħhom u l-kurrikulu u s-sillabu tagħhom. Jiena nirringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-Ministeru kif ukoll lill-edukaturi, li ħassew li huwa opportun li jiġu ingaġġati maċ-ċivil sabiex jagħtu l-edukazzjoni lit-tfal tagħna.”
Mistoqsi dwar it-trasport b’xejn għall-istudenti kollha, miżura kruċjali li introduċa l-Gvern, il-Ministru Grima qal li sa issa hemm aktar minn 13-il elf student li se jkunu qed jibbenefikaw minn dan, b’investiment ta’ aktar minn €60 miljun.
Apparti l-investiment dirett mill-Gvern fl-istudenti Maltin u Għawdxin, bħalissa l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, li hija l-fondazzjoni responsabbli mill-infrastruttura tal-iskejjel, għaddejja b’xogħol fuq 27 proġett maġġuri b’investiment ta’ €135 miljun.
Permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet qed isir tisbiħ fl-iskejjel tal-pajjiż, qed issir manutenzjoni ġenerali, u għaddejjin estensjonijiet ta’ skejjel diġà eżistenti u anke proġetti ta’ bini mill-ġdid ta’ diversi skejjel.
Il-Ministru temm jgħid li dan kollu huwa ċ-ċavetta sabiex niżguraw suċċess fl-edukazzjoni tal-istudenti tagħna.
Intant, tħabbret it-tlestija ta’ investiment ta’ aktar minn €60,000 li sar fi skola f’Ħal Tarxien sabiex parti mill-istudenti fl-iskola primarja ta’ Ħal Għaxaq jieħdu l-edukazzjoni tagħhom f’din il-binja. Dan qe disir minħabba li fl-iskola ta’ Ħal Għaxaq qed isir proġett ta’ estensjoni u tiġdid. Il-parti oħra tal-istudenti se jkunu qed jieħdu l-edukazzjoni tagħhom fl-iskola ta’ Ħal Safi.