Mohamad Alswileh, Sirjan ta’ 18-il sena, minn Birkirkara nżamm arrestat wara li ġie mixli li kkommetta atti ta’ natura sesswali fuq tfajla ta’ sbatax-il sena, mingħajr il-kunsens tagħha.
Iż-żgħażugħ ġie mixli wkoll li hedded lill-allegat vittma bil-kliem filwaqt li ħebb għaliha.
Fil-Qorti ntqal kif l-allegat vittma għamlet rapport lill-Pulizija fit-12 ta’ Settembru, bl-imputat javviċina lill-allegat vittma f’seba’ okkażjonijiet differenti minkejja li dan kien imwissi li m’għandux ikellimha.
Id-difiża argumentat li f’ċertu okkażjonijiet meta l-minuri qalet li segwieha l-imputat, kienu immaġinazzjoni tal-allegat vittma li tbati minn problemi ta’ saħħa mentali.
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih filwaqt li għamel talba għall-ħelsien mill-arrest.
Din it-talba ma ġietx milqugħa mill-Qorti minħabba n-natura tal-allegazzjonijiet li qed jaffaċċja l-akkużat, minħabba li l-allegat vittma hija minuri u fid-dawl tal-fatt li fadal xhieda pajżana, inkluż l-istess vittma x’jixdhu.