‘Grazzi mill-qalb lid-donaturi tad-demm’, ‘nixtieq li nista’ nħallaskom lura’, ‘grazzi li tajtuni d-demm’.
Dawn huma wħud mill-messaġġi fuq il-kartolini li hemm f’wieħed mill-kurituri fil-qalba tal-Bank Nazzjonali tad-Demm, fosthom ukoll ta’ ċkejkna li kienet twieldet sitt ġimgħat qabel iż-żmien, kellha bżonn id-demm minħabba żewġ operazzjonijiet, u llum qed tgħix ħajja ħienja.
Inizjattiva li ħadu ‘Żgħażagħ Laburisti’ b’kollaborazzjoni mal- Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, laqqgħet flimkien diversi żgħażagħ li bi ħġarhom iltaqgħu fiċ-Ċentru Nazzjonali tad-Demm fi Gwardamanġa biex jagħtu d-demm.
Tkellimna ma’ Yacopo Baldacchino li huwa l-President Tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ fejn tlabnih jgħidilna għaliex laqgħu l-istedina ta’ Żgħażagħ Laburisti.
Qal, “Aħna bħala Kunsill ilqajna d-deċizjoni tal-Gvern li neħħa l-perjodu ta’ sena impost fuq iż-żgħażagħ LGBTIQ+ li jistgħu jagħtu d-demm u għalhekk qegħdin hawn sabiex nagħtu l-kontribut tagħna u nħeġġeġ lil żgħażagħ oħra sabiex jagħtu d-demm ukoll.”
Ma’ Georvin Buġeja ta’ Żgħażagħ Laburisti tkellimna dwar din l-inizjattiva li hija parti mill-kampanja ta’ Żgħażagħ Laburisti “Indaqs”.
Qal, “Inkomplu nassiguraw sabiex is-soċjetà tagħna tkun indaqs, sabiex nassiguraw li s-soċjetà tagħna tkompli tavvanza ’l quddiem, tipprogressa, ma tagħmilx distinzjoni bejn persuna u oħra abbażi ta’ kif tidher, abbażi ta’ kif taħseb, ta’ kif tesprimi lilha nnifisha, ta’ lil min tħobb, għaliex fl-aħħar mill-aħħar aħna kollha bnedmin indaqs.”
Caroline Cassar hija senior staff nurse fiċ-Ċentru Nazzjonali tad-Demm u tkellmet magħna dwar il-pazjenti li jkollhom il-kundizzjoni tat-Talessemija, li jeħtieġu d-demm b’mod kontinwu.
Qalet, “It-talessemija hija kundizzjoni fejn pazjenti iridu jieħdu erba’ boroż kull tliet ġimgħat bilfors, mela allura jien irrid nagħmel naqra appell fejn il-poplu Malti għandu jġib quddiem għajnejh li dawn il-pazjenti mingħajr dawn l-erba’ boroż kull tliet ġimgħat ma jistgħux ikomplu l-ħajja tagħhom normali bħalma kulħadd jgħix.”
Tul il-jum tal-Ħadd, wieħed jista’ jagħti d-demm bejn it-tmienja ta’ filgħodu u s-sitta ta’ filgħaxija fil-Bank Nazzjonali tad-Demm fi Gwardamanġa, jew billi jżur il-pjazza ta’ Ħal Safi jew il-Berġa tax-Xewkija, bejn it-tmienja ta’ filgħodu u s-siegħa ta’ wara nofsinhar.
Kull min jilqa’ dan l-appell, irid jieħu miegħu l-karta tal-identità u jilbes maskra.