Bejn it-3 u s-6 ta’ Novembru fl-MFCC f’Ta’ Qali se tittella’ t-tieni edizzjoni tal-Playcon; konferenza dwar il-videogaming u l-esports.
Dan l-avveniment se jiġbor taħt saqaf wieħed stakeholders ewleni f’dawn iż-żewġ setturi.
Din il-pjattaforma hija mmirata li tkompli tkabbar is-settur tal-gaming f’pajjiżna u tesponi t-talent Malti fl-industrija.
Din il-konferenza mhux biss se tesponi logħob u esports iżda se tinkludi inizjattivi edukattivi mmirati li jinfurmaw u jedukaw tfal tal-iskola, żgħażagħ u adulti dwar dawn l-industriji emerġenti u l-opportunitajiet li joffru.
Waqt Playcon, se jiġi organizzat ukoll summit li jlaqqa’ flimkien l-aqwa imħuħ f’dan is-settur biex jaqsmu l-għarfien u l-esperjenzi tax-xogħol tagħhom f’dawn l-industriji fuq livell lokali kif ukoll internazzjonali.
Waqt din l-expo, numru ta’ kumpaniji tal-iżvilupp tal-logħob tal-kompjuter ibbażati f’pajjiżna, se jesebixxu l-logħob li jipproduċu.
Waqt it-tnedija uffiċjali ta’ dan l-avveniment, il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri qal li minbarra li tiġbed lejn pajjiżna investiment barrani u tiġbor taħt saqaf wieħed l-aqwa talenti f’dawn l-oqsma, inizjattiva bħal Playcon, isservi ta’ vetrina għaż-żgħażagħ Maltin.
Intant, qabel it-tnedija ta’ Playcon, ġiet inawgurata The Link – sala ġdida għall-konferenzi u l-avvenimenti, mgħammra bil-faċilitajiet neċessarji kollha li tinsab biswit l-uffiċċju tal-Malta Buisness Registry u Gaming Malta.