Raġel minn Ħaż-Żebbuġ ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet wara li fil-Qorti kien akkużat bi vjolenza domestika fuq l-eks sieħba tiegħu.
Huwa kien akkużat li uża l-vjolenza, hedded u ħebb għall-eks sieħba tiegħu, kif ukoll li kiser il-paċi pubblika.
L-akkużat ġie mixli wkoll li kiser ordni imposta fuqu mill-Qorti.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li lbieraħ irċeviet telefonati mingħand il-vittma li l-eks sieħeb tagħha kien ikkawża xi ġrieħi, li aktar tard ġew iċċertifikati bħala ġrieħi ħfief.
Fil-Qorti ntqal ukoll li l-allegatament l-każ kompla wara li l-vittma marret id-dar fejn deher l-akkużat isuq il-karozza fil-viċinanzi tar-residenza tagħha.
Quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr.Rachel Montebello, l-imputat ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih u talab għall-ħelsien mill-arrest, liema talba sabet l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu fejn l-akkużat ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li jmur joqgħod fid-dar ta’ ommu f’Birkirkara.