Għall-ħabta ta’ nofsinhar, erba’ persuni; Malti, Niġerjan u tnejn mill-Ghana se jitressqu l-Qorti b’urġenza b’akkużi ta’ traffikar tad-droga.
Dawn l-erba’ persuni ġew arrestati waqt l-operazzjoni kbira li kien hemm bejn il-lejl tal-Ħamis u l-Ġimgħa, f’żewġ remissi fil-Marsa.
Fi stqarrija tal-Pulizija kien intqal li fl-ewwel remissa kien hemm Malti u Niġerjan, li wieħed minnhom saħansitra qabeż minn għoli ta’ madwar sular u nofs. B’dawn ġew arrestati minnufih mill-Pulizija.
F’din it-tfittxija nstabu allegatament 230 qartas kokaina, 145 qartas eroina u 32 qartas kannabis, kollha lesti għall-bejgħ u nstabu wkoll €2,000 fi flus kontanti.
Filwaqt li fir-remissa l-oħra, il-Pulizija arrestat żewġ persuni oħra mill-Ghana. Instabet nofs kilo kokaina u ammont konsiderevoli oħra ta’ qratas tal-kannabis lesti biex jinbiegħu. Hawnhekk instabu wkoll €2,000 fi flus kontanti.
L-akkużati se jidhru quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr. Rachel Montebello.