It-tim nazzjonali Malti temm l-impenji tiegħu f’League D Grupp 2 tal-UEFA Nations League b’telfa ta’ 2 – 1 kontra l-Estonja li fissret li Malta għal darba oħra falliet milli terbaħ il-grupp.
L-Estonja kienu għelbu lil Malta f’pajjiżna ftit tax-xhur ilu bl-skor ta’ 2 – 1 ukoll.
L-avversarji bdew tajjeb ħafna tant li sabu x-xibka wara biss tlett minuti; liema gowl pero ġie mħassar permezz tal-VAR.
L-ewwel taqsima dehret destinata għal draw ta’ 0 – 0 iżda l-Estonja ingħataw penalty għal foul ta’ Jean Borg fuq Zenyov fejn ir-referee saħansitra keċċa wkoll lid-difensur Malti. Mill-11 il-metru Rauno Sappinen xeħet fix-xibka għal 1 – 0.
Malta ġabet il-gowl tad-draw sitt minuti fit-tieni taqsima permezz ta’ penalty ieħor meta kross ta’ Ryan Camenzuli deher jaħbat ma’ id plejer avversarju u mill-11 il-metru l-plejer ta’ Royal Union Saint Gilloise Teddy Teuma ma’ żbaljax.
Erba minuti mit-tmiem l-Estonja skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa grazzi għal Anier li approfita minn żball fid-difiża u xeħħet fix-xibka Maltija, gowl li kien ifisser ukoll ir-rebħ tal-grupp għal Estonja.
Ritratt: Domenic Aquilina / MFA