L-unjin tal-għalliema, l-MUT, qalet li rċeviet mandat ta’ inibizzjoni min-naħa tar-rettur tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir f’tentattiv biex iwaqqafha milli toħroġ aktar direttivi.
Filwaqt li stqarret li qatt ma ddikjarat li se teskala d-direttivi fil-kulleġġ, l-unjin sostniet li la hi u lanqas il-membri tagħha mhuma se jiġu intimidati mir-Rettur li, qalet, jinsab fi stat ta’ paniku.
L-MUT qalet ukoll li sorsi fil-kulleġġ qalulha li r-Rettur qed jitlob li l-bidu tas-sena skolastika li ġejja jiġi pospost. Allegat li dan qed jagħmlu biex jipprova jitfa’ l-ħtija fuq l-unjin, meta huwa ċar li l-iskola għadha bla timetable jew pjan għas-sena skolastika l-ġdida minħabba li r-Rettur ħa fi jdeh it-tmexxija wara li tkeċċa minn surmast Mario Mallia.
Ilbieraħ, il-Kurja tal-Arċisqof ħabbret li qed tħejji pjan ta’ kontinġenza għall-Kulleġġ San Albert f’każ li dan ma jiftaħx fis-sena skolastika li jmiss.
Min-naħa tagħha, it-tmexxija tal-Kulleġġ San Albert esprimiet it-tħassib tagħha għat-tentattivi tal-MUT biex twettaq dak li sejħitlu sabutaġġ biex nhar it-Tnejn li ġej il-Kulleġġ ma jiftaħx il-bibien tiegħu. Il-Kulleġġ qal li jemmen li se tinstab l-aħjar soluzzjoni fl-interess tal-istudenti u l-edukaturi ta’ dan il-kulleġġ, mingħajr il-bżonn ta’ pjanijiet ta’ kontinġenza.