Nhar it-Tnejn li ġej, ONE se jippreżenta skeda ġdida għall-familja kollha.
L-iskeda l-ġdida hija mibnija mhux biss fuq programmi ġodda, iżda wkoll fuq dawk stabbiliti, li kisbu popolarità mat-telespettaturi ta’ ONE matul l-aħħar snin.
Ic-Chairman ta’ dan l-istazzjon, Jason Micallef, tkellem dwar dak li għandhom jistennew it-telespettaturi f’din l-iskeda.
“It-telespettaturi ta’ ONE jistennew skedi b’saħħithom, skedi għall-familja kollha. Għalhekk, fis-sigħat u fil-ġranet li ġejjin, se nkunu qed nippreżentaw dak kollu li ħdimna fuqu f’dawn l-aħħar xhur, speċjalment fl-eqqel tas-sajf, biex nagħtu skeda maħsuba għall- familja kollha. Il-mission statment tal-istazzjon ONE huwa li nittrażmettu skeda pjuttost nazzjonali għall-gosti tal-familja kollha.”
Fost il-programmi ġodda li se jkunu qed jixxandru matul din l-iskeda hemm il-programm “Fost il-Ġimgħa”, ippreżentat minn Matilde Balzan.
Matilde Balzan se tkun qed tingħaqad ma’ Alfred Zammit waranofsinhar, u Karl Stagno Navarra u Owen Bonnici filgħaxija, li se jerġgħu jkunu magħna bil-programmi popolari tagħhom “Kalamita”, “Pjazza”, u “Prime Time” rispettivament.
One News se jibqa’ jimpenja ruħu biex iwassal l-aħħar aħbarjiet tal-ġurnata f’diversi ħinijiet tal-ġurnata. Is-servizzi tal-aħbarjiet ivarjaw minn aġġornamenti matul il-ġurnata, bil-bulettin prinċipali jżomm l-appuntament tiegħu fis-7:30 ta’ filgħaxija.
Se jirritorna mill-ġdid il-programm popolari “Awla”. Luke Dalli se jibqa’ jmexxi dan il-programm, bil-qofol tiegħu tibqa’ d-diskussjoni dwar ġrajjiet kurrenti. Din id-darba se jiffoka aktar fuq suġġetti li jolqtu lill-Maltin u l-Għawdxin fil-laħam il-ħaj u suġġetti oħra li għal ħafna huma tabù.
Se jirritorna mill-ġdid il-programm popolari ‘Paperscan’, li se jkun qiegħed janalizza l-gazzetti tal-Ħadd.
Kull nhar ta’ Erbgħa se jibda jixxandar id-dramm ‘Jackpot 4’, li se jitwassal mill-istess produtturi ta’ sensiliet bħal ‘Division 7’ u ‘Game Over’.
Fl-iskeda l-ġdida se jkun hemm ukoll żewġ programmi sportivi; Żona Sport u L-Argument
Ic-Chairman ta’ One radd ħajr lil dawk kolllha li ħadmu u li qed ikomplu jaħdmu b’risq is-suċċess tal-istazzjonijiet ONE, inkluż is-segwaċi nfushom.