Ir-Reġjun tan-Nofsinhar se jkun ir-Reġjun Kulturali għas-sena 2023.
Għal dan il-għan r-Reġjun se jkun qiegħed jingħata €250,000 mill-Gvern biex imorru għall-finanzjament tas-Sena Kulturali, waqt li r-Reġjun innifsu se jinvesti €25,000 bħala l-kontribuzzjoni tiegħu għall-istess għan.
Kull Reġjun, inkluż ir-Reġjun tan-Nofsinhar, jingħata finanzjament minn fondi ċentrali għall-ingaġġ ta’ Maniġer Kulturali.
Dan tħabbar hekk kif ngħata bidu għall-proġett Reġjun Kulturali, li se jkun qed jissostitwixi l-iskema Belt jew Raħal Kulturali.
Il-President tal-Kunsill Reġjonali tan-Nofsinhar, Jesmond Aquilina, stqarr li l-għan tar-Reġjun Kulturali se jkun li jżidu u jsaħħu d-diversità kulturali billi jħeġġu l-involviment ta’ diversi komunitajiet u jsaħħu s-sens ta’ involviment lejn il-lokalitajiet fi ħdan ir-Reġjun.
“Matul is-sena d-dieħla, bħala reġjun se nkunu qed nagħmlu diversi attivitajiet fi 12-il lokalità li għadhom fir-reġjun sabiex insaħħu l-kultura skont l-istrateġija nazzjonali.”
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici qal li dan il-proġett jimxi id f’id mal-Politika Nazzjonali dwar il-Kultura, li jenfasizza li l-kunsilli reġjonali u lokali se jingħataw żieda b’responsabbiltà definita tal-istrateġiji kulturali reġjonali bbażati fuq il-prinċipji u l-objettivi tal-politika nazzjonali fis-settur.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, spjegat li l-għan ewlieni li għalih jiġi ċċelebrat Reġjun Kulturali huwa sabiex tiżdied u tissaħħaħ il-promozzjoni tal-kultura Maltija u l-wirt kulturali uniku tal-lokalitajiet.