Tliet siti ta’ Heritage Malta se jibqgħu miftuħin tard billejl u joffru dħul bla ħlas matul in-Notte Bianca, nhar is-Sibt 1 ta’ Ottubru.
Dan intqal fi stqarrija minn Heritage Malta, kważi ġimgħa qabel din l-attivita annwali.
Għadd ta’ artifatti li Heritage Malta akkwistat dan l-aħħar se jkunu għall-wiri wkoll fis-Sala tal-Ambaxxaturi fil-Berġa ta’ Kastilja.
Se jkunu miftuħa wkoll sa nofsillejl, il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija u kif ukoll il-MUŻA. Heritage Malta se tiftaħ ukoll il-Knisja tal-Pilar. Din il-knisja kienet tifforma parti mill-Berġa ta’ Aragon, Katalunja u Navarre, li kienet imbniet fis-seklu 17.