Waqt ir-rejd li seħħ dan il-lejl fil-Marsa, li fih instabu 49 immigrant jgħixu b’mod illegali f’pajjiżna, il-Pulizija arrestat erba’ persuni oħra b’rabta ma’ traffikar tad-droga.
Dan intqal fi stqarrija mill-Pulizija, il-Ġimgħa filgħodu, fejn intqal li din l-operazzjoni saret wara jiem ta’ investigazzjonijiet u osservazzjonijiet fuq żewġ remissi fi Triq il-Ġerrejja u Triq is-Serkin fil-Marsa.
Din l-operazzjoni bdiet għall-ħabta tal-11:30pm u baqgħet għaddejja madwar 4am.
ONE News kien l-ewwel fuq il-post u ħareġ din l-aħbar b’mod esklussiv.
Il-Pulizija qalet li fl-ewwel remissa kien hemm żewġt irġiel, Malti u Niġerjan u kif indunaw bil-Pulizija, it-tnejn ippruvaw jaħarbu, b’wieħed minnhom saħansitra qabeż minn għoli ta’ madwar sular u nofs. It-tnejn ġew arrestati minnufih.
F’din it-tfittxija nstabu 230 qartas kokaina, 145 qartas eroina u 32 qartas kannabis, kollha lesti f’boroż żgħar biex jinbiegħu. Instabu wkoll €2,000 fi flus kontanti.
Filwaqt li fir-remissa l-oħra, il-Pulizija arrestat żewġ persuni oħra mill-Ghana. Hawnhekk instabet nofs kilo kokaina u ammont konsiderevoli oħra ta’ qratas tal-kannabis lesti biex jinbiegħu. Instabu wkoll €2,000 fi flus kontanti.
Minn dawn iż-żewġ remissi ġew elevati diversi mobiles, apparat ta’ kameras tas-sigurta, kif ukoll oġġetti oħra b’rabta mat-traffikar tad-droga.
L-erba’ persuni qed jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana.
Dwar din is-sejba ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Caroline Farrugia Frendo, li qed tmexxi inkjesta Maġisterjali.
Il-Pulizija qalet ukoll li f’din l-operazzjoni, żewġ Pulizija weġġgħu ħafif wara li sfronda bihom taraġ u ttieħdu l-Isptar Mater Dei. Huma ġew irrilaxxati mill-isptar dalgħodu.
AQRA WKOLL:
Ritratti: CMRU