Matul il-lejl li għadda, f’xita qliel, 49 immigrant ġew arrestati f’operazzjoni kbira fil-Marsa.
Din l-operazzjoni saret minn membri tal-Korp tal-Pulizija, mis-Servizz ta’ Detenzjoni u entitajiet oħra.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri fuq il-paġna uffiċjali tiegħu ta’ Facebook, li dan tal-lejl li għadda kien ir-raba’ raid fi ftit jiem kontra l-immigrazzjoni rregolari.
Il-Ministru għall-Intern qal li immedjatament beda l-proċess biex dawn l-immigranti irregolari se jkunu ritornati lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom.
ONE News kien l-ewwel fuq il-post u ħareġ din l-aħbar b’mod esklussiva.
Matul din l-operazzjoni kien hemm preżenti madwar 150 uffiċjal tal-Korp tal-Pulizija.
F’din l-operazzjoni, raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, wara li allegatament ipprova jaħrab minn fuq il-post.
Fil-kitba tiegħu fuq Facebook, il-Ministru Byron Camilleri qal ukoll li matul dawn l-ispezzjonijiet ġew issiġillati proprjetajiet u kif ukoll ġie maqtugħ is-servizz tad-dawl u l-ilma.
F’din il-kitba, il-Ministru għall-Intern innota li dawn ir-raids qed isiru bħala parti minn pjan tal-istess awtoritajiet li permezz tiegħu qed ikun attakkat l-immigrazzjoni rregolari, jiġifieri dawk il-persuni li qed jgħixu f’pajjiżna b’mod illegali.
Il-Ministru Camilleri qal li permezz ta’ dawn ir-raids qed jintbagħat messaġġ ċar u sod, li Malta mhux miftuħa għal dawk li ma josservawx il-liġi.
Fil-kitba tiegħu, il-Ministru għall-Intern żied jgħid li fil-ġimgħat li ġejjin din il-ħidma se tissokta u tissaħħaħ, u se jkomplu jsiru operazzjonijiet simili f’pajjiżna.
Huwa qal li din il-ġlieda hija parti minn strateġija mibnija fuq il-prevenzjoni, ir-ritorn u r-rilokazzjoni.