Waqt avveniment li jfakkar l-10 snin minn meta fetħet il-kumpanija tal-iGaming ‘LeoVegas’ f’pajjiżna, tħabbar li se jitwaqqaf Kunsill għall-iGaming.
L-għan ta’ dan il-Kunsill se jkun li jkompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn il-Gvern u s-settur privat filwaqt li jipprovdi pariri fuq il-politika li taffettwa lil dan is-settur.
Il-Gvern għaddej ukoll b’ħidma sabiex jinħolqu aktar opportunitajiet ekonomiċi f’dan is-settur, bħall-video game developing u l-esports.
Fil-fatt, bħalissa f’pajjiżna qed isir l-ESL Pro League, wieħed mill-akbar avvenimenti f’ dan il-qasam.
Barra minn hekk, Keywords Studio, kumpanija ewlenija fil-qasam tal-game developing, se tiftaħ bażi f’Malta.
Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri, qal li pajjiżna huwa ġuriżdizzjoni serja f’dan il-qasam, li hi essenzjali għal din l-industrija. Hu ħabbar ukoll li se jitwaqqaf Reputation Management Programme li se jinkludi kampanja dwar dan is-settur.
Qal, “Ftit tas-snin ilu fetħet ġewwa Malta, illum waħda mill-akbar kumpaniji. Timpjega ’l fuq minn elf persuna. Illum qegħdin niċċelebraw ukoll avveniment importanti għalihom, fejn fil-fatt ġew akkwistati minn MGM. MGM hija kumpanija internazzjonali enormi, li allura dik tfisser ukoll li qed iġġib aktar konnessjonijiet ta’ talent ġewwa pajjiżna.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Leo Vegas, Gustaf Hagman, stqarr li Malta hawn ħafna talent u hija ta’ benefiċċju għall-kumpaniji bħal tagħhom.
Qal, “Malta is very business friendly in the gaming sector, we found a lot of great talent round here, a lot of entrepreneurship. It was a pool for basically a lot of people, it’s extremely good for us as a gaming company.”
Il-Ministru awgura lil din il-kumpanija hekk kif se tkun qed tingħaqad ma’ kumpanija oħra sinonima mal-casinos, MGM.