Multa ta’ ħmistax-il elf ewro li kienet ingħatat lil żewġ Għawdxin li jaħdmu n-nar tal-ajru fuq inċident fl-2018 li wassal biex raġel li nzerta fuq il-post weġġa’ gravi, ġiet irrevokata u sostitwita b’servizz fil-komunità skont ordni mill-Qorti tal-Appelli Kriminali.
F’Mejju li għadda, Stephen Borg u Edmond Camilleri ġew immultati ħmistax-il elf ewro kull wieħed talli b’mod illegali, ħarqu n-nar tal-ajru minn għalqa fix-Xewkija f’Ġunju tal-2018.
L-irġiel ġew akkużati wkoll li b’negliġenza, ikkawżaw ġrieħi serji lil terza persuna b’riżultat tal-azzjonijiet tagħhom.
Borg u Camilleri kienu fetħu appell u l-Qorti nnutat l-argument tal-appellanti dwar il-fatt li l-multa kienet sproporzjonata meta wieħed jikkunsidra l-aspetti kollha tan-nar u tal-każ.
Wara li kkunsidrat iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, il-multi ta’ ħmistax-il ewro kull wieħed ġew irrevokati u minflok, l-irġiel ingħataw sentenza ta’ sittin siegħa ta’ servizz fil-komunità kull wieħed.