It-tmexxija tal-Kulleġġ San Albert esprimiet it-tħassib tagħha għat-tentattivi tal-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, biex twettaq dak li sejħitlu sabutaġġ biex nhar it-Tnejn li ġej il-Kulleġġ ma jiftaħx il-bibien tiegħu.
Fi stqarrija, il-Kulleġġ qal li llum saret laqgħa sabiex tinstab soluzzjoni. Iżda, skont il-Kulleġġ, żewġ membri ma kkoperawx mal-Kap tal-Iskola Sekondarja sabiex issir it-timetable għas-sena skolastika li jmiss.
F’din l-istqarrija, il-Kulleġġ qal li se jżomm lill-unjin responsabbli ta’ dawn l-azzjonijiet.
Il-Kulleġġ appella lill-MUT sabiex l-istudenti tas-sekondarja ta’ dan il-kulleġġ ikunu jistgħu jidħlu l-iskola b’mod normali, bħalma se jiġri fl-iskola primarja tal-istess Kulleġġ.
Il-Kulleġġ qal li jemmen li se tinstab l-aħjar soluzzjoni fl-interess tal-istudenti u l-edukaturi ta’ dan il-kulleġġ, mingħajr il-bżonn ta’ pjanijiet ta’ kontinġenza.