L-Awtorità tad-Djar m’aċċettat l-ebda post mikri għal akkomodazzjoni soċjali biex jinkera lil terzi persuni.
Iċċara dan il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay, li fuq il-midja soċjali kiteb kif l-Awtorità ġiet mgħarrfa li individwu bi profil falz fuq Facebook taħt l-isem ta’ George Zahra, għamel żewġ kummenti qarrieqa fuq il-paġna “Are You Being Served”.
Dan qed jagħti l-impressjoni żbaljata li l-Awtorità tad-Djar aċċettat li post mikri għal akkomodazzjoni soċjali, jinkera lil terzi persuni.
McKay qal li ma jafx x’għandu f’moħħu l-individwu b’dawn il-kummenti imma għamilha ċara li din l-istorja hija ħrafa mill-bidu sal-aħħar.
Qal li jekk ikun hemm l-informazzjoni dwar każijiet ta’ dan it-tip, jittieħdu passi bħal ma diġà sar fil-passat, biex il-proprjetajiet jittieħdu lura u jingħataw lil min hu eliġibbli.
Fakkar ukoll li rapporti ta’ abbużi fuq postijiet mikrija jistgħu jiġu mgħoddija lill-Awtorità tad-Djar, anki b’mod kunfidenzjali, fuq 22991000. Rapporti dwar abbużi mill-benefiċċji soċjali jistgħu jiġu mgħoddija b’mod kunfidenzjali fuq 80072345.