Fil-binja ta’ Microsoft fi New York, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela tkellmet dwar l-importanza tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma tas-suġġetti xjentifiċi, magħrufa bħala STEM.
Is-Sinjura Abela qalet li jeħtieġ li nkomplu nsibu mezzi biex ikollna iktar opportunitajiet indaqs fost l-istudenti li jagħżlu li jkomplu jistudjaw dawn is-suġġetti, speċjalment f’kuntest li dawn l-istess suġġetti kontinwament jgħinu biex jindirizzaw sfidi globali kontemporanji.
F’konferenza dwar id-diversità u l-ugwaljanza fis-suġġetti xjentifiċi, Dr Abela qalet li hemm bżonn ta’ aktar nisa f’dawn l-oqsma li jkunu determinati u kapaċi jindirizzaw kwistjonijiet globali, bħat-tibdil fil-klima, sfidi ekonomiċi u l-prevenzjoni tal-mard.
Mart il-Prim Ministru nnutat id-diversi impenji globali li saru fil-qasam tal-edukazzjoni u elenkat il-kisbiet ta’ pajjiżna f’dan il-qasam, partikolarment bir-rikonoxximent ta’ diversi studenti f’livell primarju li riċentament ikklassifikaw fl-ewwel post f’kompetizzjonijiet globali li jittrattaw suġġetti xjentifiċi.