Il-President Ukren Volodymyr Zelensky reġa’ tenna x-xewqa tiegħu li jitwaqqaf tribunal b’setgħa li jkun jista’ jikkastiga l-atti kriminali li qegħdin isiru waqt il-gwerra fl-Ukrajna.
Huwa qal dan fl-indirizz rekordjat li għamel għall-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda li bħalissa qed titlaqqa’ fi New York.
Fl-indirizz tiegħu nnota li r-Russja għandha tkun ikkastigata għal għemilha mill-komunità internazzjonali, filwaqt li akkuża lir-Russja li bil-gwerra ħolqot dik li ddeskriva bħala turbulenza katastrofika.
Dan id-diskors ġie ftit tal-ħin wara li l-President Russu Vladimir Putin daħħal mat-tliet mitt elf suldat tar-riserva, bil-mossa tqajjem protesti rari madwar it-toroq Russi.
Għaldaqstant, Zelensky qal kif l-avversarju mhux vera li hu nteressat li jipprova jiddiskuti sitwazzjonijiet fejn tintlaħaq il-paċi.
Il-President Ukren ikundanna wkoll, dawk li qegħdin jissejħu bħala taparsi elezzjonijiet fiż-żoni okkupati mir-Russi biex jingħaqdu mar-Russja, elezzjonijiet li ġew pubblikament ikkritikati mill-Ġnus Magħqusda ftit tal-jiem ilu.
Id-diskors ta’ Zelensky intlaqa’ tajjeb ferm minn ħafna li kienu preżenti għal din is-sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda.