L-avveniment ta’ l-Elite Basketball Tournament ġie fi tmiemu bir-rebħa ta’ USA Select fejn fil-logħba għat-tazza Elite lagħbu kontra Depiro Basketball Club. Kienet logħba interessanti fejn iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin fil-bidu tal-partita b’baskets kull naħa, bit-tim ta’ Depiro jispikkaw Bastian Nel u Kameroon Rooks filwaqt li għat-tim ta’ USA Select kien hemm Darius Faust u Kohl Roberts. Fit-tieni taqsima kienu USA Select li ħadu vantaġġ sostanzjali wara prestazzjoni tajba minn diversi plejers fejn kellhom ammont sabiħ ta’ 3 pointers. Il-partita ntemmet bl-iskor ta’ 120-83 favur it-tim Amerikan.
Ruben Baldacchino organizzatur ta’ l-Elite Basketball Tournament qalilna,
“Kienet esperjenza sabiħa għal club Maltin fejn kellhom l-opportunita’ jilagħbu kontra t-tim ta’ USA Select li għandu fi ħdanu diversi plejers ta’ livell għoli. Dan serva tajjeb għat-timijiet Maltin fejn ikunu għaddejjin bil-preparazzjoni tagħhom għal istaġun li jibda f’Ottubru. Il-kowcis Maltin kellhom l-opportunita’ jaraw lit-tim tagħhom fl-azzjoni għal ewwl darba u kellhom iċ-ċans jintroduċu plejers żgħażagħ fit-tim biex jaraw x’isarrfu fil-livell tal-kbar.
Qabel din il-finali ntlagħbu żewġ logħbiet oħra, kontra Hibernians u Gżira Athleta. Iż-żewġ timijiet għad iridu jzidu plejers barrannin magħhom qabel jibda l-istaġun u ma kinetx faċli għalihom kontra l-qawwa tat-tim Amerikan imexxi mill-kowċ esperjenzat John Crawford. Wiehed seta’ jinnota t-talent żgħażugħ Malti li kellhom il-mumenti tagħhom fil-logħbiet li ntlagħbu.
Avveniment li sar parti ntegrali minn dan it-tournament hu l-baskitbol camp imexxi minn kowċ ta’ esperjenza kbira, Sean Kilmartin fejn ta’ eserċizzji tajbin ħafna fejn jidħol l-aspett fundamentali tal-logħba tal-baskitbol lil grupp sabiħ ta’ żgħażagħ li attendew. Waqt il-camp iż-żgħażagħ Maltin kellhom l-opprtunita’ jitkellmu mal-plejers ta’ USA Select fejn dawn qassmu l-għarfien tal-logħba magħhom.
Dan it-tournament hu parti mit-tour Ewropew tat-tim ta’ USA Select li jagħmel kull sena u din kienet it-tieni sena li ġew Malta bis-saħħa ta’ Ruben Baldacchino l-organizzatur ta’ dan l-avveniment sportiv, fejn kompla jgħidilna,
“Huwa ta’ unur li tim tal-kalibru ta’ Amerikan jiġi Malta u jilgħab kontra clubs oħra Maltin. Kuntent ħafna b’din il-kollaborazzjoni ma’ USA Select u l-Amateur Athletic Union, fejn qed jirnexxilna nġibuhom lejn il-gżira sabiħa ta’ Malta. Kien ta’ pjaċir nara numru sostanzjali ta’ spettaturi fosthom tfal li ġew jaraw dawn il-logħob flimkien mal-ġenituri tagħhom fejn kellhom l-opportunita japprezzaw u jaraw plejers b’talent għoli fil-padiljun nazzjonali. L-għan hu li s-sena d-dieħla nżidu t-timijiet barrannin għal dan l-avveniment sportiv, bit-tama li jirnexxilna wkoll nġibu timijiet tan-nisa wkoll minn barra xtutna.”