Mohamed Mousbah Ali Zaid ta’ Libjan ta’ 32 sena li jgħix San Ġwann, tpoġġa taħt probation wara li fil-Qorti ammetta li f’żewġ okkażjonijet kellu argument ma’ raġel ieħor.
Għalkemm l-akkużat għandu għarfien bażiku tal-lingwa Maltija, huwa kien assistit minn interpretu.
L-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Sherona Buhagiar spjegat li fis-6 ta’ Settembru l-vittma informa l-iskwadra ta’ kontra l-vjolenza domestika biex jagħmel rapport wara li kellu argument mal-imputat li dak iż-żmien kien jgħix miegħu.
Ġie spjegat li kellhom argument fuq aircondition u l-imputat ħebb għalih b’sikkina u heddu li ħa joqtlu. Il-vittma mar jissakkar fil-kamra tal-banju u ħarab mit-tieqa.
F’sitwazzjoni differenti, ilbieraħ, 20 ta’ Settembru, l-vittma irrapporta li fl-14 ta’ Settembru waqt li kien għaddej minn San Ġiljan bil-vettura tiegħu, sema’ lil xi ħadd joffendih. Kien hemm li huwa mar lura u l-imputat tah daqqa fuq il-karozza. Hemm l-vittma ħareġ mill-karozza u qal li l-imputat imbuttah, waqa’ malart u kiser subajh.
Fil-Qorti l-imputat ġie akkużat ukoll li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied.
L-avukati difensuri tal-imputat qalu li l-imputat huwa bniedem tal-familja u issa la l-vittma m’għadux jgħix mal-imputat, għandu jingħata l-inqas piena possibli.
Il-Qorti mmexxija mill-Maġistrat Dr Leonard Caruana sabet lill-akkużat ħati għalhekk ħarġet ordni ta’ probation ta’ sentejn u ordnat li l-imputat iħallas l-ħsarat li l-akkużat għamel fuq il-karozza tal-vittma.