Muhammed Ahmed Elgamal ta’ 35 sena imwieled l-Eġittu, u joqgħod Birżebbuġa, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti dalgħodu mixli bi traffikar ta’ immigranti illegali f’pajjiżna.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Għalkemm l-akkużat għandu għarfien bażiku tal-lingwa Maltija, huwa kien assistit minn interpretu.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Karl Roberts spjegat li fl-14 ta’ Settembru għall-ħabta tat-3:15 ta’ filgħodu f’Dellimara żbarkaw żewġ dgħajjes li fihom kien hemm numru kbir ta’ klandestini.
Fl-awla ntqal li l-Pulizija irnexxielhom jarrestaw għaxar klandestini però kien hemm oħrajn li laħqu telqu b’vetturi li għadhom mhumiex identifikati. Il-Prosekuzzjoni kompliet tgħid li l-akkużat kien qiegħed isuq luzzu mimli klandestini u ggwida luzzu ieħor li kien warajh biex jidħol Malta għaliex ma kellux GPS.
Intqal li l-luzzu ma kellux liċenzja biex jopera fuq il-baħar u l-akkużat saq il-luzzu mingħajr liċenzja.
Id-difiża mmexxija mill-Avukati Mario Mifsud u Roberta Spiteri ma talbitx għat-talba għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk l-Qorti mmexxija mill-Maġistrat Dr.Leonard Caruana żammet lill-imputat arrestat.