Fl-Iran komplew il-protesti wara l-mewt ta’ mara waqt li kienet fil-kustodja tal-Pulizija minħabba li kisret il-liġi marbuta mal-hijab.
Mahsa Amini mietet fi sptar wara li damet tliet ijiem f’koma u kienet arrestata mill-pulizija tal-moralità, wara li akkużawha li ma kinitx qed issegwi l-liġi li tgħid li n-nisa għandhom jgħattu xagħarhom, saqajhom u idejhom.
Rapporti minn Kummissarju tad-drittijiet umani fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda, jgħidu li l-pulizija ħabbtu ras il-mara ma’ karozzi u anke tawha daqqiet.
Il-protesti ilhom għaddejin għal dawn l-aħħar ħamest ijiem f’numru ta’ bliet u rħula, fejn bosta nisa ħarqu l-hijab tagħhom.