Bosta pajjiżi kkundannaw pjanijiet tal-Gvern Russu sabiex isiru numru ta’ referenda f’partijiet mill-Ukrajna li bħalissa huma taħt kontroll Russu, liema azzjoni ssejħet bħala parodija ta’ demokrazija.
Dawn ir-referenda ssejħu minn uffiċċjali Russi f’erba’ reġġjuni fl-Ukrajna, fejn il-pjan hu li jistaqsu liċ-ċittadini Ukreni f’dawn ir-reġġjuni jekk jixtiequx isiru parti mir-Russja.
Kull tip ta’ referendum pjanat minn forzi li qed jinvadu pajjiż, imur kontra l-liġi internazzjonali u m’għandhom ebda bażi legali.
Fost il-pajjiżi li kkundannaw din l-azzjoni, hemm il-Ġermanja, l-Istati Uniti u Franza, li qalu li qatt m’huma se jirrikonoxxu r-riżultat ta’ dawn l-elezzjonijiet.
Fil-fatt, l-idea li l-elezzjonijiet se jkunu ġusti u trasparenti kienu mwarrba għall-aħħar mill-pajjiżi tal-Punent.
Il-President Ukren Volodymyr Zelensky rringrazzja l-pajjiżi li kkundannaw din l-azzjoni, u huwa mistenni jindirizza l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda aktar tard l-Erbgħa.