Fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena, Infrastruttura Malta bniet mill-ġdid mija u tmienja u għoxrin triq residenzjali.
Dan ifisser li kif għamlet is-sena li għaddiet, l-Aġenzija bniet mill-ġdid medja ta’ erba’ toroq fil-ġimgħa, xogħol li jammonta għal sebgħa u għoxrin kilometru ta’ toroq b’infrastruttura ta’ kwalità.
Fi żjara li saret f’waħda minn dawn it-toroq ġodda fil-Ħamrun, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, il-Perit Raphael Abdilla, spjega x-xogħlijiet ewlenin li saru.
Qal, “It-toroq residenzjali li saru f’dawn ix-xhur jinkludu 50 kilometru ta’ bankini ġodda u 80 kilometri ta’ servizzi ġodda, fosthom pajpijiet tal-ilma, katusi tad-drenaġġ, katusi u kanali għall-ilma tax-xita, cables tal-elettriku u pajpijiet għall-cables tal-Internet u servizzi oħra tat-telekomunikazzjoni. Sabiex lestew il-bini mill-ġdid ta’ dawn it-toroq, il-kuntratturi tal-aġenzija użaw 73,000 tunnellata asfalt.”
Il-Perit spjega wkoll kif f’dawn l-aħħar tliet snin u nofs, l-aġenzija żiedet aktar minn 53 kilometru ta’ katusi, kanali u spralli għall-ġbir tal-ilma tax-xita mit-toroq Maltin.
Fl-istess waqt qed tirranġa, tnaddaf u ttejjeb sistemi tal-ilma tax-xita li kienu diġà jeżistu f’toroq oħrajn.
Waħda minn dawn it-toroq li tlestiet ftit ġimgħat ilu hija Dawret il-Qalb Imqaddsa, it-triq li ddur max-xatt ta’ Birżebbuġa, mill-Bajja ta’ San Ġorġ sal-Bajja s-Sabiħa.
F’din it-triq twila aktar minn kilometru, l-aġenzija għamlet investiment ta’ madwar miljun ewro.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Aaron Farrugia spjega kif dawn ix-xogħlijiet jaraw li titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Qal, “Dawn jiżdiedu mal-mijiet ta’ toroq oħrajn li diġà saru f’parti mill-programm ta’ ħidma tagħna ta’ serba’ snin fejn ħa jsiru t-toroq residenzjali ta’ Malta u Għawdex kollha. Inħarsu ‘l quddiem biex inkomplu nagħtu infrastruttura tas-seklu 21 għall-poplu Malti u Għawdxi.”
Fl-istess ħin għaddejjin diversi proġetti infrastrutturali kbar bħal dak tal-mini ta’ Ħal Kirkop u l-Ajruport, il-Luqa Junction Project, l-iMrieħel Underpass Project u l-Grand Harbour Clean Air Project, fil-Port il-Kbir.