Aġenzija Sapport nediet servizz ġdid bl-isem ta’ Way to Work, li għandu l-għan li jħeġġeġ u jipprepara nies b’diżabilità biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Dan is-servizz kien wegħda elettorali fil-manifest tal-Partit Laburista.
Is-servizz se jingħata f’forma ta’ taħriġ maqsum fuq għoxrin ġimgħa li jaċċerta li l-parteċipanti jkunu mħejjija sew għad-dinja tax-xogħol.
Dan is-servizz se jiżgura li nies b’diżabilità jissoċjalizzaw, jikbru u jingħataw il-motivazzjoni meħtieġa biex jiksbu kwalità ta’ ħajja aħjar.
In-nies li se jibbenefikaw minn dan il-programm se jiġu mħarrġa f’bosta aspetti, fosthom fit-tqassim tal-ħin, l-għajxien independenti, l-użu tat-trasport pubbliku, u kif tinkiteb CV.
Is-sessjonijiet se jsiru fi gruppi żgħar biex jiġu indirizzati il-bżonnijiet individwali ta’ kull parteċipant.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport qal li dan is-servizz se jgħin mhux biss nies b’diżabilità iżda anke lill-familji tagħhom.
Qal, “Persuni b’ diżabilità jridu jimxu fejn jixtiequ jimxu. Permezz ta’ dan is-servizz, se noħolqu aktar għarfien, se nkunu aktar mal-persuni b’diżabilita’ u lil hinn mill-persuni b’diżabilita’ , biex huma jkunu jistgħu jsibuha faċli biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Għalhekk tawgura tajjeb li l-aġenzija qed tinvolvi ruħha u timpenja ruħha wkoll f’dan is-settur.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni, Julia Farrugia Portelli, qalet li dan il-proġett se jagħmel differenza tanġibbli fil-ħajja ta’ bosta persuni.
Qalet, “Din hija wegħda elettorali oħra li qiegħda titwettaq, u għidna li nkomplu nagħtu is-sehem tagħna biex aktar persuni jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Allura dan huwa programm li se jkun qiegħed jgħin persuni b’ diżabilita’ mhux biss jidħlu fid-dinja tax-xogħol, imma li jkollhom karriera li tkun sostenibbli għal numru ta’ snin.
Dan is-servizz se jidħol fis-seħħ f’Ottubru ta’ din is-sena.