Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji ppreżentat 50 proposta għall-budget tas-sena d-dieħla.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-President tal-Kamra Paul Abela u l-Kap Eżekuttiv Abigail Mamo ġie nnutat kif dan il-Budget qed isir fi sfond ta’ sfidi internazzjonali minħabba l-gwerra fl-Ukrajna.
Qabel fasslet il-proposti tagħha, il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji wettqet stħarriġ fost 300 membru minn tagħha.
It-tmexxija tal-Kamra laqgħet bis-saħħa l-miżura ewlenija mħabbra mill-Gvern għall-Budget 2023, dik li r-rati tal-prezzijiet tal-enerġija se jibqgħu stabbli u mhux se jiżdiedu.
Fil-fatt, anke kif wera l-istħarriġ, is-sidien tan-negozji kienu mħassba dwar dan, iżda għal darb oħra l-Gvern qed ikun ta’ spalla u jagħti serħan il-moħħ lilhom kif ukoll lill-familji Maltin u Għawdxin kollha.
Qalet, “Din hija inċentiva, inizjattiva, miżura importanti ħafna. Dak iż-żmien meta għamilna l-istħarriġ ma kienx għad għandna l-aħbar li l-Gvern huwa kommess li jkompli jżomm dan il-commitment li jżomm il-livell ta’ inflazzjoni relatat mal-enerġija f’livell stabbli u għaldaqstant kienu mħassbin fuqha. Din turi kemm kienet u għadha xi ħaġa importanti u anke jekk naraw inflazzjoni f’Malta kkumparat ma’ pajjiżi oħra, kull ma hemm Franza li għandhom il-metodu tagħhom kif jikkontrollaw il-prezzijiet tal-enerġija u din qed naraw l-impatt li qed ikollha fuq Malta.”
Fil-konferenza tal-aħbarijiet ġew innutati l-bosta inċentivi u skemi kruċjali li tħabbru f’budgets preċedenti u l-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji qed tappella lill-Gvern sabiex jibqa’ jibni fuqhom.
Fost l-inċentivi li semmiet hemm dawk b’rabta mal-MicroInvest, skemi favur trasport ħabib tal-ambjent u anke t-tisħiħ tal-industrija tal-jottijiet.
Qalet, “Nibnu fuq il-budgets ta’ qabel. Jiġifieri fil-proposti ta’ budgets preċedenti nkunu proponejna ammont ta’ inċentivi u skemi li ħadmu tajjeb ħafna. Ovvjament minħabba li n-negozji huma affettwati mill-inflazzjoni u anke l-isfidi tal-lum huma differenti minn dawk li kellna, qed nipproponu li dawn l-iskemi li diġà għandna tajbin ikomplu jissaħħu.”