Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech għażel li ma jidħolx bejn il-basla u qoxritha meta mistoqsi dwar il-kwart ta’ miljun ewro li Żaren Vassallo għadda lill-Partit Nazzjonalista.
Kwart ta’ miljun li ntqal li huwa self. Self li hemm verżjonijiet differenti dwar jekk tħallasx jew le.
Mistoqsi jekk ux komdu li dan is-self sar ftit jiem wara d-deal tal-art tal-Lowenbrau, Claudio Grech, qal li din hi kwistjoni tal-amministrazzjoni tal-Partit li ma jidħolx fiha.
Insistejna, bid-domanda għax lill Claudio Grech konna qed nitolbuh opinjoni. Hu, bħala deputat nazzjonalista, komdu jew le b’dan il-fatt?
Lanqas Ċensu Galea, eks Ministru, ma kkummenta dwar dan. Bħal ma baqa’ fommu mitbuq Antoine Borg, li fi żmien li l-PN daħħal il-kwart ta’ miljun ewro kien involut fit-tmexxija finanzjarja tal-Partit Nazzjonalista.