In-naħla hija essenzjali għall-umanità u għall-ambjent. Hija din il-ħlejqa ċkejkna li ddakkar mat-tmenin fil-mija tal-ikel li nieklu ta’ kuljum. Huwa fatt magħruf ukoll li, mingħajr in-naħal, l-ekosistemi tad-dinja jikkrollaw, u allura mhux ta’ b’xejn li dawn l-insetti huma magħrufin għall-bżulija tagħhom.
Iżda minkejja l-bżulija tan-naħla Maltija, fl-aħħar snin dan l-insett beda jsir aktar vulnerabbli minħabba numru ta’ sfidi. Sfida partikolari li qed tqajjem rasha b’mod allarmanti u hija ta’ theddida għan-naħla huwa l-bagħal taż-żunżan, li minħabba ż-żieda fit-temperaturi matul is-sena qiegħed jiżdied.
ONE News mar f’sit fejn jitrabba n-naħal mill-Għaqda Trobbija tan-Naħal u Għasel Malti, fejn stajna naraw b’għajnejna l-bagħal taż-żunżan jaqbad lin-naħal u jtir bihom lejn il-bejta tiegħu.
Rodney Galea huwa s-Segretarju tal-Għaqda Trobbija tan-Naħal u Għasel Malti. Huwa spjega kif din l-għaqda qed tagħmel li tista’ sabiex tnaqqas l-impatt ta’ dawn l-insetti li jagħmlu l-ħsara.
Huwa qal li l-bagħal taż-żunżan huwa attirat ħafna lejn l-ikel tal-qtates, iżda mhux dak niexef, u allura appella lil dawk kollha li jħobbu l-qtates, b’mod speċjali, sabiex ma jagħlfux il-qtates ta’ barra bl-ikel imxarrab tul il-ġurnata.
Rodney Galea tkellem dwar l-effetti koroh ta’ meta persuna jew annimal jingħataw ix-xewka minn dan l-insett.
“Il-bagħal taż-żunżan lill-bniedem meta jagħtih ix-xewka, iraqqadlu n-nervituri, jiġifieri meta jkun hemm każ hekk trid tmur tieħu injection mill-ewwel. Annimal, meta jkun qed jiekol u jkun hemm xi bagħal taż-żunżan u jlaqqat mill-ikel tal-qtates, speċjalment, tista’ tagħtih waħda u toqtlu.”
Rodney Galea tkellem magħna wkoll dwar l-effetti koroh għall-bnedmin, hekk kif qed jiġu rrappurtati każijiet fejn nies, bla ma jkunu jafu, jiġu f’kuntatt ma’ bejta tal-bagħal taż-żunżan, u jagħtuhom ix-xewka. Dawn in-nies, anki jekk jingħataw ix-xewka darba biss, ikollhom bżonn attenzjoni medika immedjata.
Intant, dal-istazzjon tkellem ukoll mad-Deputat Direttur tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, Darrin Stevens, spjega li l-bagħal taż-żunżan ilu f’pajjiżna għal eluf ta’ snin, u allura huwa parti mill-ekosistema Maltija.
Iż-żieda notevoli fil-kolonji tal-bagħal taż-żunżan dan l-aħħar hija kawża ta’ numru ta’ fatturi, iżda waħda primarja hija l-abbundanza ta’ ikel li dawn l-insetti qed isibu.
Stevens irrikonoxxa l-impatt negattiv ta’ ħafna ikel tal-qtates li ma jittikilx mill-qtates, iżda qal li meta wieħed jarmi ż-żibel domestiku kif ġieb u laħaq, ikun qed jikkontribwixxxi għal din il-problema.
Qal li minkejja li l-ERA tagħmel l-ispezzjonijiet tagħha biex tara li kulħaqq qed jarmi ż-żibel kif suppost, il-bidla trid tiġi minn kull wieħed u waħda minna, u b’hekk jiġu solvuti l-problemi mhux biss tal-bagħal taż-żunżan iżda wkoll tal-annimali kollha li huma meqjusa bħala li jagħmlu l-ħsara.
“Kemm jista’ jkun, biex nevitaw li jkollna dawn il-problemi, mhux sempliċiment tal-bagħal taż-żunżan, imma anke l-firien, ġrieden, wirdien, u annimali bħalhom, hu li ż-żibel jintrema kif suppost. Jekk xi nies qed iħallu l-ikel lill-annimali, wara li l-annimali jkunu lesti, jiġbruh u jarmuh kif suppost.”