Il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea li bħalissa hija okkupata mir-Repubblika Ċeka qed issejjaħ għal tribunal rigward il-gwerra fl-Ukrajna.
Dan wara numru ta’ sejbiet fl-Ilvant tal-Ukrajna fl-aħħar jiem, ta’ mijiet ta’ katavri midfuna viċin Izyum, li ġiet liberata mill-forzi Ukreni ftit jiem ilu, fejn ħafna mill-katavri kienu ta’ nisa u tfal.
Il-Ministru għall-Affarjiet Barranin tar-Repubblika Ċeka, Jan Lipavsky, ikkundanna dawn l-attakki, hekk kif qal li dawn l-attakki kontra nies ċivili huma inċaċċettabbli. Żied jgħird kif dawn l-attakki ma jistgħux jiġu minsija u sejjaħ għall-kastig lil dawk kollha li jwettqu dawn l-attroċitajiet.
F’diskors li għamel is-Sibt, il-President Ukren Volodymyr Zelensky tkellem dwar evidenza ta’ tortura li ntużat fuq uħud mill-Ukreni li nstabu midfuna f’Izyum, u żied jgħid li sa issa nstabu aktar minn għaxar kmamar f’dan ir-reġjun, li kienu jintużaw għat-tortura.
Ftit tal-jiem ilu, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen qalet li l-President Russu Vladimir Putin għandu jaffaċċja Qorti Internazjzonali għall-attroċitajiet li qed isiru fl-Ukrajna.