Prestazzjoni eċċellenti għal Dillon Cassar (Mellieħa AC) li fil-belt Daniża ta’ Kopenħagen kiser ir-rekord nazzjonali tiegħu stess. Huwa temm it-tellieqa ta’ ftit aktar minn 21km f’ħin ta siegħa, sitt minuti u seba’ sekondi (1’06’07), erba’ sekondi aħjar mir-rekord preċedenti li kien stabilixxa f’Valencia s-sena li għaddiet.
Fl-istess tellieqa ta’ min jirrimarka tellieqa oħra ta’ kwalità għolja għal Luke Micallef (Pembroke A) li daħal ftit biss wara Cassar, f’ħin ta’ 1’06’14, it-tielet l-aqwa ħin fl-istorja minn atleta Malti fuq din id-distanza.
It-tellieqa ntrebħet mill-Etjopjan Milkesa Mengesha f’ħin ta’ 58 minuta u 58 sekonda. B’dawn il-ħinijiet Cassar u Micallef temmew fost l-aqwa 70 atleta f’tellieqa li attirat mal-25,000 atleta minn madwar id-dinja. Riżultat li ċertament jagħmel unur għall-atletika Maltija minn dawn iż-żewġ atleti li tul l-2022 kienu kostanti b’riżultati prestiġjużi fuq distanzi differenti.
Fost it-tfajliet, riżultat tajjeb ħafna wkoll għal Joelle Cortis li bl-aqwa ħin personali ta’ 1’18’40 temmet fis-47 post fit-tfajliet u t-tielet fil-kategorija Over 35.
Il-parteċipazzjoni tal-atleti Maltin kienet possibbli wkoll grazzi għall-appoġġ tal-Kumitat Olimpiku Malti, l-NSDF u SportMalta.