Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li l-Ungerija tal-Prim Ministru Viktor Orban, ma tiħux madwar aktar minn seba’ biljun ewro f’fondi Ewropej minħabba tħassib dwar il-korruzzjoni.
Il-Ħadd, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li dawn iċ-ċifri se jammontaw għal 65% tal-proġetti li se jsiru bil-fondi Ewropej f’dan il-pajjjiż.
Il-Kummissjoni Ewropea ħabbret dan hekk kif tul il-jum tal-Ħadd tlaqqa’ l-Kulleġġ tal-Kummissarji Ewropej, li pproponew dan lill-Kunsill Ewropew.
Dan il-proċess se jsegwi dak ta’ meta skatta l-mekaniżmu tal-istat tad-dritt.
Din hi l-ewwel darba li l-Kummissjoni Ewropea ħadet din it-tip ta’ deċiżjoni dwar Stat membru tal-Unjoni Ewropea.
Din id-deċiżjoni min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea se tkun qed taffettwa madwar ħamsa fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku.
Il-pass li jmiss dwar din il-proposta huwa li fit-tliet xhur li ġejjin, l-istati membri tal-Unjoni Ewropea jieħdu deċiżjoni dwar din il-proposta.
Dan ifisser li l-Ungerija se tkun fuq l-aġenda tal-Kunsill Ewropew fil-laqgħa bejn il-mexxejja Ewropej, f’Ottubru.