Raġel li ismu ma’ jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie mixli li pprova jisraq bott kafè minn stabbiliment tal-ikel, kkaġuna ġrieħi gravi fuq il-ħaddiem li kien fil-ħanut u kellu argument ma’ xufier ta’ tal-linja.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Gabriel Micallef u Jonathan Ransley spjegat li fis-16 ta’ Settembru l-akkużat ġie arrestat wara li kellu argument ma’ xufier ta’ tal-linja fil-Floriana. Huwa allegatament faqalu t-tieqa tan-naħa tax-xufier u kkaġunalu ġrieħi ħfief f’wiċċu.
Fl-awla intqal ukoll li dakinhar stess ftit qabel huwa pprova jisraq bott kafè minn ħanut tal-ikel fil-Gżira. Meta l-kaxxier pprova jwaqqaf lill-imputat, l-akkużat gidem widnet il-kaxxier u kkaġunalu ġrieħi gravi.
Huwa ġie akkużat ukoll li kiser il-bon ordni u l-paċi pubblika.
L-Avukat tal-Għajnuna Legali Martin Farrugia qal li l-imputat għaddej minn problemi ta’ saħħa mentali u għalhekk talab divjett fuq ismu. Id-difiża talbet ukoll għall-ħelsien mill-arrest biex ikompli jiħu l-kura fl-isptar f’Mount Carmel.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest hekk kif spjegat li fl-2017 l-akkużat diġa’ kien instab ħati fuq każ separat, ingħata l-ħelsien mill-arrest u reġa’ spiċċa fejn kien.
Waqt is-seduta, l-akkużat qal li spiċċa bla xogħol u m’għandux saqaf fuq rasu.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Dr Charmaine Galea ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq il-bażi li l-akkużat m’għandux indirizz fiss fejn jgħix. Il-Qorti rrakomandat ukoll lill-faċililita korrettiva ta’ kordin biex isir assessjar fuq il-kundizzjoni medika tal-imputat.