Mill-aneddoti ħelwin li issa ilna nisimgħu dwar ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni, tissawwar xbieha ta’ persunaġġ ta’ prinċipju – monarka impenjata biex twettaq id-doveri li ġġib magħha l-pożizzjoni għolja ħafna li kienet tokkupa.
Fl-istess ħin, toħroġ l-immaġni ta’ mara eleganti u dinjituża, li diffiċli ma jkollokx rispett lejha. Minn fomm dawk li kienu jafuha – jew kellhom l-opportunità li jiltaqgħu magħha – ftit aktar mill-qrib, smajna wkoll stejjer li jiffukaw aktar dwar il-lat uman tagħha: dwar l-umiltà u l-qalb tajba tagħha, dwar is-sens ta’ umoriżmu li kellha, u dwar il-qawwa li kellha t-tbissima tipika tagħha.
Fil-Kummissjoni Għolja tar-Renju Unit f’Malta, li tinsab f’Ta’ Xbiex, waqt li ma qatgħu xejn in-nies deħlin biex jiffirmaw il-ktieb tal-kondoljanzi li nfetaħ fl-okkażjoni tal-mewt tar-Reġina, iltqajna mal-Kummissarju Għoli Cathy Ward. Hija rrakkuntatilna għadd ta’ episodji ta’ meta ltaqgħet mar-Reġina; okkażjonijiet li jwassluha biex tiddeskriviha b’konvinzjoni bħala persuna straordinarja.
Qaltilna dwar meta darba, meta kienet uffiċjal tal-ambaxxata ta’ pajjiżha fi Franza, waqt Żjara Statali li għamlet ir-Reġina f’Pariġi fl-2004 ma ttiħdilhomx ritratt meta ħadulha bi jdejha. Tant xtaqet li jkollha wieħed tal-okkażjoni mar-Reġina li, wara li tkellmet ma’ xi ħadd mill-uffiċjali tal-Palazz, għamlet wiċċha u talbitha setgħetx terġa’ teħdilha bi jdejha għar-ritratt.
Qalet, “And she was very kind about it, and graciously smiled again and received us again.”
Dwar l-istess okkażjoni, tiftakar ukoll eżempju ċar tal-umanità tar-Reġina. Cathy Ward kienet involuta fit-tfassil tal-programm uffiċjali taż-żjara u kienet saret proposta biex jiġi organizzat avveniment formali kbir. Iżda, meta kkonsultaw mar-Reġina, din esprimiet ix-xewqa li ssir xi ħaġa li tlaqqagħha aktar mar-realtajiet tan-nies. Eventwalment, l-għażla waqgħet fuq ċentru tal-immigranti u ta’ nies li huma nieqsa minn kollox.
Qalet, “It was a sort of modest local centre for the poorest in society, and her Majesty Queen Elizabeth’s choice was to visit that centre rather than go to a more formal event.”
Meta seħħet iż-żjara li kienet qed tirreferi għaliha l-Kummissarju Għoli Brittanika għal Malta, ir-relazzjonijiet bejn ir-Renju Unit u Franza kienu għaddejjin minn perjodu ta’ tensjoni. Hija rrakkuntat kif mill-Ambaxxata Brittanika f’Pariġi kienu ħejjew abbozz tad-diskors li kellha tagħmel ir-Reġina waqt iċ-Ċena Statali. Iżda, waqt iċ-Ċena Statali fil-Palazz tal-Elysee, Cathy Ward, li dak id-diskors kienet tafu bl-amment, indunat li kien inbidel sostanzjalment. Staqsiet lis-Segretarju Privat Ewlieni tar-Reġina dwar dan, u weġibha li t-tibdiliet kienet għamilthom ir-Reġina nnifisha. Cathy Ward ikkummentat li dan jixhed l-interess mill-qrib ħafna li kienet tieħu fir-relazzjonijiet politiċi ta’ pajjiżha ma’ pajjiżi oħrajn, u kif kienet taf tuża l-kliem b’reqqa u b’għaqal biex tħalli effett pożittiv fuq dawn ir-relazzjonijiet. Footage:
Qalet, “And we did a polling, as the embassy, before and after, about the perceptions of the UK, and after Her Mayesty’s visit, the vision and sort of approval rating, if you like, of the UK in France just bounced up thanks to her visit.”
Il-Kummissarju Għoli tar-Renju Unit għal Malta qasmet magħna wkoll rakkont li jnissel tbissima dwar meta kienet se tinħatar ambaxxatur ta’ pajjiżha għall-Ekwador, u marret għand ir-Reġina biex tirċievi mingħandha l-ittri tal-kredenzjali.
Qalet, “And she talked to me about the Galapagos Islands, and she said: “Do tell me about the Galapagos Islands. I think all the members of my family have visited, except me!”.”
Qabel ħallejnieha, il-Kummissarju Għoli Cathy Ward ma naqsitx milli tesprimi l-pjaċir tagħha meta tisma’ tant rakkonti sbieħ dwar esperjenzi ma’ Eliżabetta t-Tieni mingħand il-Maltin.
Qalet, “And there are many beautiful stories from Maltese citizens who recall her time here when she lived in Malta, and I’m constantly hearing stories of her time here.”
Intant, il-Kummissarju Għoli ta’ Malta għar-Renju Unit, Manuel Mallia, ukoll qasam magħna l-impressjonijiet li għandu tar-Reġina Eliżabetta t-Tieni meta kellimha biex ippreżentalha virtwalment l-ittri tal-kredenzjali, f’April li għadda.
Qal, “Hija persuna li, meta tkun qed tkellimha, qisek qed tkellem persuna li qed tiġbdek, xejn mhu diffiċli. Għalkemm ikollok dik it-tensjoni li qed tiltaqa’ ma’ persuna daqshekk importanti, pero hi tagħmlek at ease. Fil-każ tiegħi, kien ħafna aktar faċli. Hija tħobb ħafna lil Malta. Tkellimna dwar Malta, kellmitni dwar iż-żmien sabiħ li għaddiet f’Malta meta r-raġel tagħha kien, fil-fatt, hawnhekk, fin-Navy. Semmietli wkoll il-post fejn kienet toqgħod Gwardamanġa. Tkelllimna proprju fuq dal-post. Kienet ħafna rikonoxxenti li l-gvern Malti xtara dan il-post, li beħsiebna wkoll li nġibuh back to its glory.”