L-andament turistiku f’pajjiżna jinsab għaddej b’ritmu tajjeb, u meta mqabbel ma’ dak tas-sena 2019 – li hija meqjusa bħala sena rekord għat-turiżmu f’Malta – in-numru ta’ turisti, li għażlu pajjiżna għall-btala fost oħajn, qiegħed dejjem jiżdied.
Ma’ ONE News, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA, Tony Zahra, qal li kollox jindika li, sal-aħħar ta’ din is-sena, se jkunu ġew f’pajjiżna aktar minn żewġ miljun turist. Kemm hu kif ukoll lukandiera ewlenin qalu li s-sitwazzjoni hija aħjar minn dak li kienu qed ibassru.
“Meta bdejna s-sena, f’Jannar, il-projections tagħna kienu li se jiġu 80 fil-mija tat-2019. Dawn il-projections nagħmluhom fuq in-numru ta’ siġġijiet li jkun hemm fuq il-market, allura tkun taf more or less kemm se jiġu turisti. Fil-fatt ġew daqsxejn aktar. Naħseb li nispiċċaw is-sena qrib l-84 fil-mija.”
Intant, Daniel Grima, direttur ġenerali ta’ lukanda ewlenija fil-Mellieħa, qal li x-xhur sajfin kienu tajbin ferm, filwaqt li qed jara li l-andament se jkun wieħed pożittiv anki fix-xhur li ġejjin.
“Min-naħa tagħna, dawn l-aħħar ftit xhur kellna diversi ġimgħat li konna viċin ħafna tal-2019, u din tawgura tajjeb ħafna għall-kumplament tas-sena u għas-sena d-dieħla.”
Min-naħa tiegħu, Jesmond Debono, lukandier ieħor f’waħda mil-lukandi f’San Ġiljan, tenna l-istess sentiment. Huwa qal ukoll li kien hemm xi xhur meta saħansitra marru aħjar mill-aqwa sena għat-turiżmu f’Malta.
“L-ewwel xaharejn kienu daqxejn diffiċli għax kien hawn il-Covid għaddej, però l-kumplament tas-sena kienet tajba ħafna. Kien hemm xhur li kienu komparabbli ma 2019 u kellna oħrajn li kienu aħjar minn 2019.”
Dawn in-numri pożittivi, li qed jimlew b’kuraġġ is-settur tal-ospitalità fil-gżejjer Maltin, huma frott il-ħidma u l-investiment li qed isiru fil-qasam tat-turiżmu biex jiġi assigurat li l-livelli f’dan is-settur ikomplu jiżdiedu.