Bejn April u Ġunju ta’ din is-sena l-għadd tan-nies li jaħdmu f’pajjiżna żdied bi kważi tlettax-il elf, meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Jixhdu dan ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Skont l-NSO, bejn April u Ġunju tal-2021, f’Malta kienu jaħdmu kważi 267,500 persuna, filwaqt li sena wara, kien hawn 280,500. Dan ifisser żieda ta’ kważi 13,000 li issa għandhom impjieg, jew żieda ta’ kważi 5%, fuq il-figuri tal-2021.
Fl-istess stħarriġ ġiet innutata wkoll żieda fl-għadd ta’ persuni li jaħdmu għal rashom. Fil-fatt, kien hemm żieda ta’ 1,900 li jaħdmu għal rashom mingħajr ma jħaddmu nies oħra, bejn iż-żewġ perjodi. Intant, fl-istess sena żdiedu b’145, il-persuni li jaħdmu għal rashom u li jħaddmu n-nies magħhom. Fl-istħarriġ ġie nnutat kif il-qgħad fit-tieni kwart ta’ din is-sena kien ta’ 2,9%, li hija l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja ta’ Malta.
Dan ikompli jikkonferma l-irkupru tal-ekonomija mill-pandemija, meta l-Gvern salva eluf ta’ impjiegi u negozji, sabiex issa minkejja l-isfidi internazzjonali li qed jolqtu lil kull pajjiż fid-dinja, pajjiżna xorta waħda żamm l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja tiegħu.