It-team nazzjonali malti tal-waterpolo ta’ taħt id-dsatax -il sena qed ikompli bit-tħejjijiet tiegħu għall-ewwel logħba mill-Kampjonati Ewropej tal-Waterpolo tal-LEN U19 li se jibdew fi tmiem il-ġimgħa fil-Montenegro. It-team malti immexxi mill-kowċ Anthony Farrugia se jiddebutta nhar il-Ħadd li ġej kontra Spanja fi-9 ta’ filgħodu.
Malta se tkun qed tilgħab fi Grupp A flimkien ma’ l-Olanda, Spanja u r-Repubblika Ċeka.
It-tieni logħba għal Malta tkun it-Tnejn fis-13:00 kontra r-Republika Ċeka filwaqt li t-Tlieta it-team malti jilgħab l-aħħar logħba tal-grupp kontra l-Olanda fl-16:20.
F’dawn il-kampjonati se jieħdu sehem 16-il tim, bil-logħob jibda l-Ħadd li ġej u jintemm fil-25 ta’ Settembru.
Bħala parti mit-tħejjijiet tagħhom, il-plejers maltin kellhom ukoll żewġ logħbiet ta’ ħbiberija kontra t-Turkija u s-Serbja.
It-team malti hu kompost minn dawn il-plejers: Jake Cachia (Neptunes) Alec Fenech (Neptunes), Sam Gialanze ( Neptunes), Mark Castillo (Neptunes), Matthew Bonello Du Puis (Sirens), Gianni Farrugia (Sirens), Kieyan Borg (Sliema), Jayden Cutajar (Sliema), Matthew Mifsud (Sliema), Daniel Rizzo (Sliema), Jake Bonavia (San Giljan), Russell Caruana (San Giljan), Daniel Tully (San Giljan) u Andrew Bugeja (Valletta).