Il-Maġistrat Nadine Lia dalgħodu għamlet dikjarazzjoni fil-Qorti bil-miftuħ dwar l-ittra anonima ta’ theddid li rċeviet jumejn ilu, u li dwarha nfetħet inkjesta maġisterjali.
Fl-ittra anomima saritilha theddida li l-karriera u l-ħajja personali tagħha se jitkissru.
Din l-ittra anonima waslet wara li l-istess Maġistrat rrifjutat li tirrikuża lilha nfisha minn kawża relatata mal-Bank Pilatus.
Il-Maġistrat għamlet referenza għall-Kodiċi li jitlob li meta membru tal-ġudikatura jirċievi ittra anonima jew xi komunikazzjoni li jkun fiha espressjonijiet insolenti jew offensivi, l-imħallef jew maġistrat m’hemmx għalfejn jaqraw il-kontenut quddiem il-Qorti bil-miftuħ iżda jistgħu, minflok, jgħidu quddiem il-Qorti bil-miftuħ il-fatt li jkunu rċevew tali komunikazzjoni u, fi kwalunkwe każ, jgħarrfu lill-President ta’ Malta bil-kontenut.
Kien biex taqdi dan id-dover li l-Maġistrat Lia sejħet smigħ għal-lum, qabel id-data li kienet diġà skedata għax-xahar id-dieħel għas-seduta li jmiss. Fil-fatt, il-każ issa jkompli jinstema’ fid-data li kienet diġà stabbilita minn qabel.
Intant, l-Assoċjazzjoni tal-Ġudikatura, flimkien mal-Prim Imħallef, ippubblikaw l-ittra anonima li rċeviet il-Maġistrat Nadine Lia.
L-istqarrija tgħid:
“Minn informazzjoni a dispożizzjoni tal-Assoċjazzjoni, it-theddida kienet tgħid hekk:
‘Għidnilek biex twarrab. Issa oqod tpaxxa arana inkisrulek il-karriera u żwieġ. Kuntenta hekk! Darba oħra obdi kif jagħmlu l-oħrajn. Omerta Si. Sfidare No.”
Tali intimidazzjoni u aġir huwa kundannabbli u ma jista’ jiġi qatt aċċettat f’soċjetà demokratika li tħaddan il prinċipju tas saltna tad-Dritt.
Ġudikant għandu jitħalla jwettaq dmirijietu b’serenità u mingħajr ebda forma ta’ pressjoni, jew ta’ biża’ għalih personalment u għall-familja tiegħu!
Filwaqt li l-Ġudikatura tifhem u taċċetta li jkun hemm kritika dwar l-operat tagħha, dan qatt ma għandu jwassal għal pressjoni, intimidazzjonijet u theddid fuq il-ġudikanti u l-familji tagħhom, bħalma seħħ f’dan il-każ.
L-Assoċjazzjoni u l-Prim Imħallef huma solidali mal-ġudikanti kollha li jirċievu tali theddid u jistiednu lill awtoritajiet responsabbli tal-pajjiz sabiex iħarsu l-indipendenza u s-sigurtà tal-Ġudikatura kif imiss.”