Il-Ministeru għat-Turiżmu fi stqarrija qal li jinnota l-konferenza tal-aħbarijiet li indirizza llum il-Partit Nazzjonalista b’reazzjoni għall-istqarrija ministerjali dwar l-Air Malta li għamel ilbieraħ il-Ministru Edward Zammit Lewis fil-Parlament.
Il-Ministeru jfakkar li, f’inqas minn għaxar xhur, il-Ministru Zammit Lewis għamel tliet stqarrijiet ministerjali dwar l-Air Malta, u kien għad-dispożizzjoni għad-domandi kollha mill-membri tal-Oppożizzjoni.
Innota li huwa ferm ironiku li din l-istqarrija ġejja mid-deputat Claudio Grech, li kien il-Kap tas-Segretarjat tal-Ministru Austin Gatt, liema eks Ministru huwa wieħed mill-protagonisti li wassal sabiex l-Air Malta tħalliet f’sitwazzjoni ta’ falliment. Min-naħa l-oħra, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Antoine Borg kien jieħu ħsieb il-finanżi tal-Partit Nazzjonalista qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali. Għalhekk, wieħed iħalli f’idejn il-pubbliku kemm għandu kredibilità l-Partit Nazzjonalista li jitkellem dwar l-Air Malta.
“Simon Busuttil, li abbozza l-aħħar manifest elettorali tal-PN qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013, ħass li lanqas biss għandu jsemmi l-Air Malta; aħseb u ara kemm kellu pjan għaliha!” qal il-Ministeru.
Il-Ministeru għamel referenza għal dak li qal l-aħħar chairman appuntat mill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, is-Sur Louis Farrugia, li f’kumment lil The Malta Independent fit-13 Awwissu 2016 qal li l-unika triq ’l quddiem għall-linja tal-ajru hija sħubija strateġika. Għaldaqstant il-Ministru jistaqsi x’qagħad jagħmel il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern meta kien hemm din id-direzzjoni ċara miċ-Chairman tal-Air Malta? X’kienet ir-raġuni li m’għamel xejn dwarha? Għalfejn issa qed jitkellem fuq investiment lokali?
Il-Ministeru qal li “waqt li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tilgħab għall-gallarija, il-Gvern se jibqa’ ffukat biex ma jitfax il-problemi tal-Air Malta taħt it-tapit kif għamlu amministrazzjonijiet Nazzjonalisti waħda wara l-oħra għal kwart ta’ seklu. Il-Gvern se jibqa’ ffukat biex jibqa’ jieħu deċiżjonijiet intiżi li jġibu lil Air Malta f’qagħda ta’ vijabilità kummerċjali”.
Il-Ministeru għamilha ċara li kien il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern li wassal għal inċertezza fost il-ħaddiema tal-Air Malta b’deċiżjonijiet ħżiena li huwa ħa tul iż-żminijiet kif ukoll b’nuqqas ta’ deċiżjonijiet li kien hemm bżonn; deċiżjonijiet ħżiena li wasslu għal aktar ħaddiema jitilfu xogħlhom taħt amministrazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista kien hemm, fost oħrajn, is-Sea Malta, it-Tarzna, u l-Enemalta.
Il-Ministeru għat-Turiżmu ikkonkluda li l-Gvern mhux interessat fi ‘quick fixes’ iżda fi triq serja ’l quddiem li tibqa’ tiggarantixxi l-impjiegi tal-ħaddiema tal-Air Malta hekk kif seħħ taħt dan il-Gvern, kif ukoll tibqa’ twettaq suċċessi bla preċedent fis-settur turistiku.